Sunday, December 22, 2024

Premier League: Chelsea jilqgħu lil Manchester City

Aqra wkoll

Mill-ewwel erba’ timi­jiet fil-klassifika, il-lead­ers tal-Premier League Ingliż, Manchester City, jidhru li għandhom l-iktar logħba mpenjattiva meta fit-12-il programm tal-istaġun se jmorru Londra biex jiltaqgħu ma’ Chelsea.

Is-City issa għamluhom tliet rebħiet wara xulxin wara li sofrew żewġ telfiet wara xulxin ukoll. Iżda kif urew nhar it-Tnejn kontra Tottenham meta kienu qed jilagħbu barra minn darhom, Chelsea kapaċi jagħtu sfida lil kull avversarju.

Huwa veru li Spurs kel­lhom jgħaddu b’disa’ players wara l-55 minuta iżda t-tkeċċijiet ta’ Cristiano Ro­mero u Destiny Udogie, kienu inevitabbli, u dawn inħassew ħafna mit-team ta’ Mauricio Pochettino li kien fis-seba’ sema bir-rebħa 4-1 fuq l-eks team tiegħu.

Iżda kollox ma’ kollox it-team ta’ Pep Guardiola għandu jkun xi ftit iktar favorit biex jikseb ir-rebħa u jżomm postu fil-quċċata minkejja li se jkunu qed jilagħbu fi Stamford Bridge.

Tottenham  kontra Wolves f’Molineux se tintlagħab fil-ħin tal-ikla ta’ nofsinhar.

Wara t-telfa kontroversjali kontra Chelsea, li kien fiha xejn inqas minn disa’ interruzzjonijiet mill-VAR, Tottenham għandhom bosta players imweġġgħin minbarra t-tnejn sospiżi msemmija fuq.

Min-naħa tagħhom, Wol­ves iridu jippruvaw punt wara li sfaw megħluba mit-team ta’ qiegħ il-klassifika, Sheffield United, li għalihom kienet l-ewwel rebħa tal-istaġun. Huma għad għandhom lill-attakkant stil­-la, Pedro Neto, li kulħadd iridu miegħu, għadu barra minħabba li weġġa’ l-hamstring.

Liverpool se jaraw li jħallu l-punti li tilfu kontra Luton Town warajhom meta għada jkunu f’Anfield kontra Brentford fejn għalkemm dawn qed jagħtu logħba lil kulħadd, ir-Reds se joqogħdu attenti li ma jeħlux magħhom ukoll.

Ir-Reds rebħu t-tmien logħbiet li lagħbu home dan l-istaġun b’mill-inqas żewġ goals f’kull waħda u għal­kemm il-Ħamis tilfu kontra Toulouse fl-Europa League b’mod kontroversjali, huma żgur li se jħallu dan wa­rajhom biex jikkonċentraw fuq il-konfront mal-Bees li wieħed m’għandux jafdahom meta ġejjin minn tliet rebħiet konsekuttivi.

Arsenal, li jinsabu r-raba’ se jkunu fl-Emirates Sta­dium biex jilqgħu lil Burnley li qed jokkupaw il-post ta’ qabel tal-aħħar fil-klassifika meta kull ma kisbu huma erba’ punti.

Il-Gunners tilfu r-rekord ta’ 100% nhar il-Ħadd kontra Newcastle u l-għada kien imiss lil Tottenham li tmis­shom l-istess xorti biex b’hekk ir-rivali tat-Tramuntana ta’ Londra tilfu r-rekord ta’ bla megħluba ġurnata wara l-oħra.

It-telfa mal-Magpies kie­net waħda kontroversjali meta kull team seta’ spiċċa bi player inqas waqt li l-goal tat-Toon seta’ ma ngħatax għalkemm ir-referee u l-VAR ħasbuha mod ieħor.

Crystal Palace se jaraw li jitilgħu mal-ewwel 10 meta jkunu f’Selhurst Park kontra Everton bl-Eagles ma tantx togħġobhom din il-logħba għar-raġuni li rebħu darba biss mill-aħħar 17-il laqgħa bejniethom fil-kampjonat.

Il-Palace jinsabu l-11 bi 15-il punt u ġejjin minn żewġ rebħiet, żewġ draws u żewġ telfiet, erbgħa iktar mit-Toffeemen li qegħdin fis-16-il post erba’ punti inqas u ġejjin minn tliet reb­ħiet, draw u żewġ telfiet.

Manchester United, li xejn m’huma qed ikollhom staġun feliċi, se jkunu f’Old Trafford biex jiffaċċjaw lil Luton li ġejjin minn draw kreditabbli kontra Liverpool meta kienu tliet minuti biss ‘il bogħod milli joħolqu sorpriża sorpriża.

Huma ġejjin minn telfa 4-3 sorpriża kontra FC Copenhagen fiċ-Champions League li ħafna ma kienux qed jistennewha, iżda l-mod kif qed jilagħbu l-affarijiet m’għadhomx l-istess bħal ma kienu taħt Sir Alex Ferguson li kien dixxiplinat f’kull lat.

Newcastle se jivvjaġġaw it-tul kollu tal-Ingilterra biex jiltaqgħu kontra Bournement fil-Vitality Stadium fil-kosta tan-nofsinhar.

Huma kisbu erba’ rebħiet fost żewġ telfiet mill-aħħar sitt logħbiet waqt li ċ-Cherries kisbu rebħa waħda u sofrew ħames telfiet.

Aston Villa jridu jinsew it-telfa ta’ 2-0 kontra Nottm Forest meta jkunu f’darhom kontra Fulham b’dawn m’għadhomx dak it-team tas-sena l-oħra meta kellhom lill-attakkant Serb, Alexandar Mitrovic, li kien jiskorja b’għajnejh magħluqa.

Rebħa għall-Villa kienet tarahom jitilgħu punt wara s-City flimkien ma’ Tottenham. Imbagħad il-Ħamis irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil AZ Alkmaar 2-1 fil-Conference League. 

Anke Brighton ġejjin minn rebħa fl-Europa League meta għelbu lil Ajax 2-0 f’Amsterdam. Huma se jkunu f’darhom kontra Sheffield United li għadhom kif rebħu l-ewwel logħba kontra Wolves b’penalty kontroversjali fil-110 minuta.

Fil-logħba l-oħra team ieħor li lagħab fl-Ewropa, West Ham, se jkunu f’darhom ukoll bl-avversarji jku­nu Nottm Forest. Erba’ telfiet u draw mill-aħħar sitt logħbiet raw lill-Hammers jinżlu fit-12-il post erba’ punti bogħod mis-seba’ post li jagħtik post fl-Ewropa.

Il-Forest jinsabu punt warajhom grazzi għar-rebħa mal-Villa li kienet l-ewwel waħda wara ħames riżultati negattivi.

Ekonomija

Sport