Gżira U………….2
Melita……….…..2
Gżira United u Melita temmew l-impenji tagħhom fil-Closing Round bi draw ta’ 2-2 f’ partita bla wisq interess minħabba li Melita kienu diġa ċerti li se jispiċċaw fl-aħħar post waqt li Gżira kienu se jevitaw l-aħħar żewġ postijiet.
Melita b’ hekk ġabru l-ewwel punt tagħhom f’ dan ir-round hekk kif issa jitfgħu l-attenzjoni tagħhom fuq il-play-out kontra r-relegazzjoni fejn se jkunu qed jiltaqgħu ma’ Naxxar Lions wara li Balzan ġew awtomatikament relegati.
Iż-żewġ coaches għażlu li jaġħmlu numru ta’ bidliet mill-aħħar ħarġiet tagħhom. Gżira bdew bil-goalkeeper Jake Badawi li kien qed jagħmel id-debutt tiegħu waqt li beda wkoll Sean Schembri għall-ewwel darba. Kurt Zammit irritorna minn sospensjoni waqt li bdew ukoll Manuel De Filippis u Shaquill Sno. Min-naħa l-oħra, Ensell Attard u Julian Abela kienu mal-ewwel ħdax għall-ewwel darba għal Melita waqt li bdew ukoll Benjamin Cassar u Kurt Bondin.
Gżira fetħu l-iskor fit-tnax-il minuta meta minn kross ta’ Shaquill Montell Sno, Lucas Ribeiro de Oliveira ‘Macula’ bir-ras għeleb lill-goalkeeper ta’ Melita Gosef Mizzi mill-viċin.
Lanqas laħqu għaddew żewġ minuti li Melita għamlu l-iskor indaqs meta ENSELL ATTARD irċieva pass tajjeb minn Kurt Bondin, wara li dan interċetta pass qasir fid-difiża Gżirjana, u b’ xutt fil-baxx għar-rokna għeleb lill-goalkeeper Jake Badawi.
Melita reġgħu resqu viċin fid-19-il minuta meta Benjamin Cassar temm ġirja tajba b’ konklużjoni minn barra l-kaxxa li falliet il-mira bi ftit waqt li fuq in-naħa l-ohra, Ribeiro temm azzjoni tajba b’ xutt minn barra l-kaxxa li għadda ftit barra. Ft-32 minuta, Marc Van De Font Bovenmkamp temm azzjoni personali b’ xutt mid-distanza li spiċċa ftit barra.
Minuta wara, Melita dawwru l-iskor favur tagħhom meta Matthew Debattista tefa’ difensur Gżirjan taħt pressjoni u seraqlu l-ballun, għaddieh lejn ENSELL ATTARD biex minn pożizzjoni kważi identitika għall-ewwel goal, għeleb lil Badawi b’ xutt fil-baxx għar-rokna.
Gżira rrispondew b’ azzjoni personali ta’ Andrew Borg li qabeż żewġ players qabel ipprova xortih b’ xutt minn tarf il-kaxxa li ġie salvat minn Mizzi fl-34 minuta u żewġ minuti wara, Ribeiro tefa’ ftit għoli bir-ras wara freekick ta’ Jackson Mendoza mil-lemin. Mal-45 minuta, Faysal Chouaib jmur viċin għal Gżira b’ xutt minn tarf il-kaxxa li ġie mblukkat minn Mizzi.
Minuta fit-tieni taqsima, Brooklyn Borg ittanta xortih b’ xutt minn barra l-kaxxa li Mizzi salva bla ebda diffikult waqt li fil-65 minuta, xutt angolat ta’ Ribeiro mix-xellug ġie salvat mill-goalkeeper ta’ Melita. Għaxar minuti minn cross ta’ Thaylor Aldama, konklużjoni mill-viċin ta’ Kevin Tulimieri ġiet imxellfa f’ corner biex fis-77 minuta, Ribeiro għadda l-ballun lejn Tulimieri li tefa’ barra minn tarf il-kaxxa.
Melita rrispondew b’ azzjoni tajba bejn Mark Sammut Peresso u Collins Gyamfi li rat lill-attakkant mill-Ghana jimpenja lil Badawi fid-79 minuta imma minuta wara Jean Pierre Attard imblokka fuq il-linja konklużjoni ta’ Ribeiro li dehret destinata għal ġewwa wara cross ta’ Espindola mix-xellug.
Madankollu Gżira rnexxielhom iġibu l-iskor indaqs seba’ minuti mit-tmiem meta minn cross ta’ Aldama mix-xellug, KEVIN TULIMIERI spara l-ballun ġewwa.
Gżira U.: 35-Jake Badawi, 3-Gabriel Bohrer Mentz, 6-Andrew Borg, 9-Faysal Chouaib Hassany (7-Thaylor Aldama 57’), 11-Lucas Ribeiro de Oliveira, 17-Shaquill Montell Sno (29-Gabriel Micallef Ghigo86’), 19-Manuel De Filippis (92-Kevin Tulimieri 57’), 22-Kurt Zammit, 23-Sean Schembri (93-Thaigo Espindola De Paula 67’), 47-Brooklyn Borg (13-John Edward Borg Hedley 86’), 98-Jackson Mendoza Usuga. Coach: Giovanni Tedesco
Melita: 1-Gosef Mizzi, 2-Adam Aquilina (8-Nicholas Mifsud 46’), 6-Jean Pierre Attard, 7-Karl Mohnani, 10-Matthew Debattista, 13-Marc Van De Font Bovenkamp, 17-Julian Abela, 18-Ensell Attard (9-Mark Sammut Peresso 46’), 20-Benjamin Cassar (29-Jade Anthony Clarke 46’), 23-Paul Galea Testaferrata (24-Gareth Barone 70’), 26-Kurt Bondin (22-Collins Gyamfi 70’). Coach: Clive Mizzi
Referee: Ishmael Barbara
Ass. Referees: Roberto Vella, David Castillo
Raba’ Uffiċjal: Ezekiel Barbara
Skorers: 12’ Lucas Ribeiro De Oliveira; 14’, 33’ Ensell Attard, 83’ Kevin Tulimieri
Ammoniti: K. Zammit
Player tal-Logħba: Ensell Attard (Melita)