Fil-Premier League Ingliż, Chelsea naqqsu d-distakk mil-leaders Liverpool għal erba’ punti, li lagħbu partita inqas, wara li marru għand Tottenham u rebħulhom bl-iskor ta’ 4-3.
Il-goals ta’ Chelsea waslu minn Jadon Sancho (17), Cole Palmer (61 pen, 84 pen) u Enzo Fernandez (73) filwaqt li Dominic Solanke (5), Dejan Kulusevski (11) u Son Heung-Min (92) skorjaw għal Spurs.
Fulham v Arsenal – Arsenal marru għand Fulham u setgħu biss jispiċċaw fi draw ta’ 1-1 biex fallew żewġ punti importanti fit-tentattiv li jkomplu jisfidaw lil-leaders Liverpool għar-rebħ tat-titlu.
Kien Raul Jimenez (11) li fetaħ l-iskor għall-Cottagers iżda Arsenal kisbu d-draw minn daqqa ta’ ras ta’ William Saliba (52).
Fit-88 minuta, il-Gunners ħasbu li skorjaw il-goal tar-rebħa minn Bukayo Saka, iżda Gabriel Martinelli kien f’pożizzjoni ta’ offside meta dendel il-cross lejn Saka.
Ipswich v Bournemouth – Bournemouth marru għand Ipswich u dawru telfa f’rebħa biex għelbuhom bl-iskor ta’ 2-1, bil-goals jaslu lejn tmiem il-partita minn Enes Unal (87) u Dango Ouattara (92) wara li Conor Chaplin (21) fetaħ l-iskor għat-Tractor Boys.
Leicester v Brighton – Leicester City irkupraw żvantaġġ ta’ żewġ goals biex temmew fi draw ta’ 2-2 kontra Brighton.
Kienu Tariq Lamptey (37) u Yankuba Minteh (79) li fetħu vantaġġ doppju iżda Jamie Vardy (86) u Bobby De Cordova-Reid (91) salvaw ir-riżultat għall-Foxes.