Fil-programm tal-Premier League ta’ tmiem il-ġimgħa, l-attenzjoni prinċipali tkun mixħuta fuq Goodison Park għal żewġ raġunijiet fejn Everton jospitaw lil-leaders Arsenal.
Filwaqt li Arsenal jimmiraw li jsaħħu l-ewwel post tal-klassifika, din se tkun l-ewwel partita għat- Toffees taħt it-tmexxija tal- manager il-ġdid, Sean Dyche, li ħa post Frank Lampard li tkeċċa ftit tal- jiem ilu.
Bla dubju, Arsenal jibdew favoriti li jirbħu dan il-konfront. Filwaqt li huma ssaħħew bl-akkwist tal-midfielder Taljan, Jorginho, mingħand Chelsea, Everton mhux talli ma xtraw lil ħadd fit-tieqa tat-trasferimenti ta’ Jannar iżda tilfu s-servizzi tal-midfielder Anthony Gordon li ssieħeb ma’ Newcastle United fejn illum mistenni jagħmel id-debutt tiegħu kontra West Ham.
Barra minn hekk, Everton jinsabu fil-bżonn tal-punti minħabba li jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar. Il-fatt li Everton ma kienux attivi fis-suq tat-trasferimenti ħadd mhu qed jippretendi li Dyche jagħmel il-mirakli.
Tottenham v Man City – Tottenham jilqgħu lil Manchester City f’dak li huwa meqjus bħala konfront diffċli għaż-żewġ timijiet fejn rebħa hija prioritá – Tottenham biex jibqgħu jissieltu għal post fil-UEFA Champions League u Manchester City biex jibqgħu jisfidaw għar-rebħ tat-titlu.
Spurs se jkunu mingħajr l-imweġġgħin Richarlison, Brian Gil u Lucas Moura filwaqt li s-Citizens għandhom li John Stones u Phil Foden neqsin għall-istess raġuni.
Man Utd v C. Palace – Manchester United se jerġgħu jiltaqgħu kontra Crystal Palace f’temp ta’ ġimagħtejn meta f’Selhurst Park kienu temmew 1-1 bil-goal tad-draw għall-Palace jasal fil-ħin miżjud bi ġmiel ta’ free-kick ta’ Michael Olise.
Peró llum tkun storja oħra meta l-partita se tintlagħab f’Old Trafford fejn teżisti possibbiltá li jiddebbutta l-midfielder Marcel Sabitzer li akkwistaw minħabba l-injury fit-tul ta’ Christian Eriksen.
Wolves v Liverpool – F’darhom Wolves jimmiraw għal rebħa prezzjuża kontra Liverpool li tarahom jitbiegħu miż-żona tar-relegazzjoni … kontra team li għaddej minn kriżi kbira.