Monday, May 13, 2024

Premier League Ingliż: Liverpool jospitaw lil Chelsea fl-aqwa partita

Aqra wkoll

Wara l-waqfa minħabba l-logħob tar-raba’ round tal-FA Cup, mil-lum sa nhar il-Ħamis se tintlagħab it-22 ġurnata tal-Premier League Ingliż li tippreżenta logħbiet imħallta f’dak li huwa interess għall-fini tal-klassifika.

Il-leaders Liverpool, li nhar il-Ġimgħa li għadda ġew ix­xukkjati bl-aħbar li l-manager Jurgen Klopp se jħalli l-kariga tiegħu fi tmiem l-istaġun, se jkunu f’Anfield biex jilqgħu lil Chelsea li wara bidu kajman għall-istaġun issa jidhru li ġejjin f’tagħhom tant li mill-aħħar sitt logħbiet ħadu erba’ rebħiet u sofrew żewġ telfiet.

Iż-żewġ timijiet ġejjin minn riżultati mħallta fl-FA Cup bir-Reds jirbħu 5-2 kontra Norwich City u l-Blues jinżammu fi draw ta’ 0-0 kontra Aston Villa fi Stamford Bridge.

Barra minn hekk il-logħba hija preludju għal dik tal-25 ta’ Frar ta’ bejniethom li fiha se jiltaqgħu fil-finali tal-League Cup.

Jokkupaw it-tliet postijiet ta’ wara bi 43 punt kull wieħed insibu lil Manchester City, Arsenal u Aston Villa, li se jiffaċċjaw avversarji ta’ saħħa differenti.

Is-City se jkunu fl-Etihad Stadium kontra Burnley li jinsabu qabel tal-aħħar fejn ħadu rebħa biss mill-aħħar sitt logħbiet u għaldaqstant ma tantx hemm dubju fejn se jmorru t-tliet punti.

Il-Gunners se jmorru fis-City Ground biex jiltaqgħu kontra Nottingham Forest tal-manager Nuno Espirito Santo li reġa’ irritorna fil-football Ingliż wara aktar minn sena fl-Arabja Sawdija.

Dan l-aħħar Arsenal marru xi ftit lura meta ħadu żewġ rebħiet u draw mill-aħħar sitt ħarġiet u tilfu t-tlieta l-oħra.

Min-naħa tal-Villa huma se jkunu f’Villa Park meta l-viżitaturi se jkunu Newcastle United li jinsabu fl-10 post, 14-il punt bogħod mir-raba’post bit-team ta’ Unai Emery imur ħafna aħjar meta kiseb tliet rebħiet u żewġ draws u sofra telfa biss.

Manchester United, li mhux qed ikollhom staġun tajjeb tant li l-uniku unur li jistgħu jirbħu huwa l-FA Cup, se jiltaqgħu kontra Wolves f’Molineux fl-aħħar logħba tal-programm nhar il-Ħamis.

Wolves, li bdew l-istaġun b’telfa 1-0 kontra l-United f’Old Trafford żgur li jridu jpattu għat-telfa 1-0 li fiha ġew imċaħħda minn penalty fl-aħħar minuta tal-ħin miżjud. Huma ħadu tliet rebħiet u żewġ draws waqt li sofrew telfa mill-aħħar sitt ħarġiet.

Il-United ħadu rebħa biss u żewġ draws mill-aħħar sitt logħbiet waqt li sofrew tliet telfiet.

Fulham se jkunu fi Craven Cottage kontra Everton f’logħba importanti għal dawn tal-aħħar meta jinsabu punt biss fuq iż-żona tar-relegazzjoni. 

It-team fis-seba’ post, Brighton, se jmorru għand Luton Town li jinsabu t-tielet mill-aħħar fejn is-Seasiders iridu l-punti biex jitilgħu iktar ‘il fuq u l-Hatters biex jitbegħdu mill-pożizzjoni li jinsabu fiha, għalkemm qed isibu l-affarijiet diffiċli biex jilħqu l-għan tagħhom.

Crystal Palace se jkunu f’Selhurst Park kontra t-team tal-qiegħ, Sheffield United, li jidhru destinati li se jirritornaw fiċ-Championship wara staġun wieħed.

Iż-żewġ timijiet għandhom rekord identiku ta’ rebħa u żewġ draws mill-aħħar sitt ħarġiet tagħhom.

L-unika derby fil-programm hija dik ta’ Londra fejn Tottenham se jospitaw lil Brentford meta ż-żewġ timijiet għandhom rekord kuntrastuż bi Spurs jieħdu 13-il punt mill-aħħar sitt logħbiet u l-Bees ġejjin minn rebħa wara ħames telfiet konsekuttivi.

It-team ta’ David Moyes, West Ham, se jkun fil-London Stadium kontra Bournemouth b’dawn jinsabu trankwilli fit-12-il post waqt li l-Hammers jinsabu f’post għoli, is-sitta, bl-għan tagħhom ikun post fl-Ewropa għat-tielet sena wara l-oħra.

Sport