Mil-lum sa nhar it-Tnejn se tintlagħab it-12-il ġurnata tal-Premier League Ingliż bl-aqwa logħba tidher li hija dik bejn iċ-champions Manchester City u Tottenham Hotspur, għalkemm kull logħba għandha l-importanza tagħha.
Is-City ġejjin minn żewġ telfiet kontra Bournemouth u Brighton bl-istess riżultat ta’ 2-1 meta fż-żewġ okkażjonijiet kienu qed jilagħbu barra minn darhom.
Min-naħa ta’ Tottenham, ġejjin minn sensiela ta’ rebħa, telfa, rebħa, telfa, rebħa u telfa meta qabel kienu iktar konsistenti bil-pożizzjoni li jinsabu fiha – l-10 post u b’16-il punt daqs Brentford – ma tindikax li qed ikollhom staġun sodisfaċenti.
Il-manager Pep Guardiola issa donnu li se jdaħħal ċerta stabbiltá fit-team tiegħu meta ħarġet l-aħbar li se jibqa’ sentjen oħra fl- Etihad Stadium milli jitlaqhom fl-aħħar ta’ dan.
Il-leaders Liverpool, li qed igawdu vantaġġ ta’ ħames punti fuq is-City, se jkunu nvoluti fil-logħba bejn ta’ fuq u ta’ taħt meta jmorru f’St Mary’s Stadium biex jilagħbu kontra Southampton.
Ir-rekord fl-aħħar sitt logħbiet taż-żewġ timijiet huwa wieħed kuntrastuż għax ir-Reds fallew żewġ punti biss u min-naħa tagħhom is-Saints rebħu tlieta biss meta għelbu lil Everton fl-aħħar ħinijiet tal-partita.
Wara l-ewwel żewġ timijiet jiġu sebgħa li jinsabu mifrudin b’punt, erbgħa b’19-il punt u tlieta bi 18 u għalhekk kollox jista’ jinbidel fil-klassifika.
Chelsea se jiftħu l-programm tal-lum kmieni wara nofs in-nhar meta jkunu fil-King Power Stadium biex jiltaqgħu ma’ Leicester City li jinsabu fil-15-il post b’ritorn ta’ 10 punti.
Il-Blues għandhom abbundanza ta’ għażliet għalkemm bħalissa l-winger Jadon Sancho ma jinsabx fuq termini feliċi mal-club. Iżda meta għandhom lil Cole Parmer u Pedro Neto fuq il-wings m’għandhomx daqstant taħbil il-moħħ.
Arsenal, fir-raba’ post, se jilqgħu lil Nottingham Forest, li għandhom punti daqshom meta kisbu 10 punti mill-aħħar sitt ħarġiet u l-Gunners ħadu tmienja biex iżommu kuntatt ma’ ta’ fuq.
L-aħħar team b’19-il punt huwa dak ta’ Brighton li se jkunu barra minn darhom kontra Bournemouth li jinsabu fit-12-il post bi 15-il punt iżda b’rashom mistrieħa mill-inkwiet tar-relegazzjoni.
Il-logħba tidher li se tkun waħda bilanċjata kif jidher mill-fatt li ż-żewġ timijiet rebħu 10 punti mill-aħħar 18 għad-dispożizzjoni tagħhom.
L-ewwel minn tliet timijiet bi 18-il punt huwa dak ta’ Fulham li se jkunu fi Craven Cottage biex jiltaqgħu kontra Wolves, f’dik li hija logħba ta’ nostalġija għaż-żewġ attakkanti tal-Cottagers, Raul Jimenez u Adama Traore, li se jilagħbu kontra l-eks team tagħhom.
Wolves ġejjin mill-ewwel rebħa tal-istaġun wara li qabel il-waqfa internazzjonali għelbu lil Southampton 2-0 f’Molineux. Rebħa għal wieħed minnhom tkun tiswa mitqlu deheb
Aston Villa, li niżlu fid-disa’ post distakkati b’punt mir-raba’ team, se jkunu f’darhom biex jilqgħu lil Crystal Palace li jinsabu t-tielet mill-aħħar.
It-team ta’ Unai Emery jinsab għaddej mill-agħar perjodu tiegħu dan l- istaġun meta mill-aħħar sitt logħbiet kisbu rebħa waħda bil-ħamsa l-oħra jintemmu fi tliet draws u żewġ telfiet. Ċertament mhux forma li tarak tissielet għal post fil-UEFA Champions League u biex tavvanza mill-Fażi tal-Kampjonat tal-istess kompetizzjoni.
Il-Palace mhux sejrin tajjeb lanqas meta qabel it-telfa fl-aħħar logħba kontra Fulham huma ħadu biss rebħa u draw mill-aħħar sitt logħbiet.
Il-logħba l-oħra tal-lum tara lil Everton jospitaw lil Brentford meta bejn wieħed u ieħor jinsabu fl-istess ilma għalkemm il-Bees qed igawdu sitt punti vantaġġ fuq it-Toffeemen li jinsabu tliet punti fuq iż-żona l-ħamra.
Logħba mistennija li se tintlagħab għada filgħaxija hija dik bejn Ipswich Town u Manchester United meta għal dawn tal-aħħar se jiddebutta il-manager ġdid, il-Portugiż Ruben Amorim, li beda magħhom nhar it- Tnejn li għadda meta ħa post l-Olandiż, Erik ten Hag, li xejn ma mar tajjeb fit-tmexxija tat-team tar-Red Devils bit-tkeċċija tiegħu ħadet żmien iktar milli kien mistenni.
Fl-aħħar sitt ħarġiet il- United ħadu żewġ rebħiet, żewġ draws u żewġ telfiet li ma kienux biżżejjed biex javvanzaw fil-klassifika.
Min-naħa tat-Tractor Boys huma jinsabu punt biss fuq iż-żona tar-relegazzjoni waqt li wieħed irid jara kif se jmur il-manager tagħhom, Kieran McKenna, li qabel ħadem mal-United.
Il-logħba li tagħlaq il- programm se ssir nhar it-Tnejn meta Newcastle u West Ham jiltaqgħu f’St James Park biż-żewġ timijiet ġejjin minn riżultati simili meta fl-aħħar sitt logħbiet ħadu żewġ rebħiet, żewġ draws u żewġ telfiet kull wieħed.