Tuesday, December 24, 2024

Premier League: Liverpool u Chelsea fl-aqwa partita

Aqra wkoll

Fit-tmien programm tal- Premier League Ingliż, li se jintlagħab mil-lum sa nhar it-Tnejn l-attenzjoni se tinxteħet fuq Anfield meta il-leaders Liverpool jilqgħu lil Chelsea f’dik li tidher li hija l-aqwa logħba ta’ tmiem din il-ġimgħa.

Meta bħalissa r-Reds qed igawdu erba’ punti vantaġġ fuq il-Blues dan juri kemm dawn għamlu progress mill-istaġun li għadda sal-lum tant li anke l-manager Taljan tagħhom, Enzo Maresca, qabel qatt ma kien okkupa post iktar għoli minn dak li t-team tiegħu jinsab fih illum.

Huwa kien mal-akkademja tas-City qabel ma fl-istaġun li għadda għen lil Leicester City jiksbu post­hom lura mal-kbar u issa qed juri l-kapaċitajiet tie­għu bħala mexxej ta’ team mimli stilel li ħafna qalu kienu wisq għalih biex jidderiġihom.

Liverpool se jkollhom pedina importanti nieqsa meta l-goalkeeper Brażiljan, Alisson Becker weġġa’ l-hamstring u se jibqa’ barra bosta ġimgħat b’postu se jimlih abbilment l-Irlandiż Caoimhin Kelleher.

Iż-żewġ timijiet li għad għandhom ir-rekord ta’ bla telf, Mancheter City u Arsenal, se jkunu barra minn darhom fejn l-avversarji tagħhom huma Wolves u Bournemouth rispettivament.

Arsenal se jkunu fl-az­zjoni llum biċ-Cherries ġejjin minn żewġ rebħiet, żewġ draws u sofrew tliet telfiet, l-aħħar waħda kontra Leicester li dawn rebħu 1-0.

F’darhom huma jafu jħabbtu lil kull avversarju, iżda rridu naraw jekk il-Gunners humiex kapaċi jibqgħu għaddejjin meta s’issa fallew erba’ punti biss minn żewġ draws.

Min-naħa tas-City huma se jmorru f’Molineux meta bħal Arsenal jinsabu punt biss wara l-leaders. S’issa l-Kroat Mateo Kovacic jidher li qed jimla tajjeb għan-nuqqas ta’ Rodri f’nofs il-ground.

Wolves għadhom kisbu punt biss bħal Southampton u xi ksib ta’ punti, għalkemm din hija ordni għolja, tista’ tarahom ibiddlu d-direzzjoni qabel ma jkun tard wisq għalihom.

Manchester United, li bħalissa għaddejjin minn żmien xejn feliċi bħal ma kienu jaraw lil timijiet oħra huma, se jkunu f’Old Trafford biex jilqgħu lil Brentford li b’10 punti jinsabu fil-11-il post taħt il-manager Daniż, Thomas Frank, li anke hu qed jissemma’ biex jieħu post dak tagħhom, Erik ten Hag, li issa ilu żmien sew jistenna li jitkeċċa. Iżda s’issa Sir Jim Ratcliffe donnu qed iżomm lura biex ma jkunx hu li jagħtih il-kundanna.

Il-programm se jinfetaħ kmieni llum wara nofsinhar bid-Derby ta’ Londra bejn Tottenham u West Ham li jinsabu mifrudin b’żewġ punti għalkemm it-team ta’ Ange Postacoglu huwa iktar attrezzat minn dak ta’ Julen Loputegui.

Fi Craven Cottage jiltaqgħu Fulham u Aston Villa b’dawn qed igawdu tliet punti vantaġġ meta qed jokkupaw il-ħames post. Il-Cottagers għandhom lill-attakkant Raul Ji­menez qed ikompli jersaq lejn l-aqwa forma tiegħu fejn anke beda jkun fost l-iskorers.

Min-naħa tal-Villans hu­ma qed ikomplu fuq l- istaġun li għadda meta anke fiċ-Champions League mhux qed iħossuhom ħuta barra mill-ilma.

Logħba li tikkonċerna r-relegazzjoni hija dik f’Portman Road bejn Ips­wich Town u Everton li minnhom huma dawn tal-aħħar li rebħu logħba mill-14 li lagħbu bejniethom.

It-Toffeemen bdew b’erba’ telfiet u ġejjin minn reb­ħa u żewġ draws waqt li t-Tractor Boys ħadu erba’ punti minn daqstant draws.

Newcastle United kontra Brighton f’St James Park tis­ta’ tkun logħba ta’ ħafna goals meta huma jinsabu ras imb’ras fis-sitta u fis-seba’ postijiet tal-klassifika b’10 punti kull wieħed.

F’St Mary’s Stadium jiltaqgħu ż-żewġ timijiet promossi, Southampton u Leicester City bis-Saints qed ikollhom bidu negattiv meta għadhom ħadu punt biss u huma wieħed minn erba’ timijiet li għadhom bla rebħa.

L-aħħar logħba tal-programm hija dik ta’ nhar it-Tnejn li fiha Nottingham Forest jilqgħu lil Crystal Palace fis-City Ground bit-team ta’ Nuno Espirito Santo qed igawdi post rispettabbli, l-10 wieħed b’10 punti, iżda l-Palace kel­lhom bidu ħażin meta għadhom qed jistennew l-ewwel rebħa tal-istaġun. 

Ekonomija

Sport