Tuesday, November 12, 2024

Premier Lge: Gzira U. jiksbu draw drammatiku kontra Sliema W.

Aqra wkoll

Gzira Utd ….…..2

Sliema W. ……..2

Minn Cristian Muscat

F’dak li hu magħruf bħala d-‘Derby tax-Xatt’, Gzira United kisbu draw ġust u drammatiku ta’ 2-2 kontra l- ġirien Sliema Wanderers hekk kif salvaw ir-riżultat proprju fil-95 minuta.

Kienu Gzira li ħolqu l-ewwel periklu wara biss tliet minuti meta Gabriel Bohrer Mentz għadda ballun fit-tul lejn Thaylor Aldama li kellu t-tentattiv tiegħu jaħbat man-naħa ta’ barra tax-xibka.

Il-Wanderers wieġbu fid-19-il minuta permezz ta’ Adam Magri Overend mill-viċin li ntemm ftit barra.

Fil-25 minuta, il-Maroons reġgħu ħolqu l-periklu meta  Bohrer Mentz għadda ballun fit-tul lejn Aldama li evita lill-goalkeeper Slimiż, Agu, iżda x-xutt tiegħu ma kienx b’saħħtu biżżejjed biex jintemm fix-xibka, b’Henrique Murillo jitfa’ l-ballun f’corner.

Sliema rrispondew fit-32 minuta meta Myles Beerman xeħet cross fil-baxx iżda l-goalkeeper veteran, Justin Ha­ber, ħareġ tajjeb minn postu u interċetta kull periklu.

Fit-43 minuta, it-team immexxi mill-coach, Paul Zammit, fetaħ l-iskor meta Magri Overend għadda tajjeb lejn Matos da Silva li min-naħa tiegħu serva lill-attakkant Sloven, VITO PLUT, li żmarkat għal kollox, avvanza u xeħet fix-xibka.

Fit-58 minuta Sliema tilfu ċans tad-deheb li jirduppjaw meta d-daqqa ta’ ras ta’  Matos Da Silva stampat mal-wieqfa.

Iżda, fit-62 minuta, kontra x-xejra tal-logħob, il-Gżirjani kisbu d-draw meta ngħataw penalty wara li l-ewwel Alex Da Paixao Alves u mbagħad Kevin Tulimieri twaqqgħu fil-kaxxa.

Mill-11-il metru GABRIEL BOHRER MENTZ ma falliex biex dan kien l-ewwel goal li sofrew is-Slimiżi wara seba’ partiti (inkluż l-istaġun li għadda).

Iżda fl-74 minuta, il-Wanderers reġgħu marru fil-vantaġġ meta VITO PLUT qabbeż il-ballun minn fuq il-goalkeeper, Justin Haber.

U meta kollox deher li Sliema kienu se joħorġu rebbieħa, fil-95 minuta LUIS RIASCOS kiseb id-draw għal Gzira mill-pass ta’ Faysal.

GZIRA U.: 16-Justin Haber, 3-Gabriel Bohrer Mentz, 6-Andrew Borg (92-Kevin Tulimieri 57), 7-Thaylor Aldama, 8-Zachary Scerri, 9-Marcelo Dias (17-Jurgen Pisani 46), 14-Luis Carlos Riascos, 20-Alex Da Paixao Alves, 23-Farid Romero Zuniga, 47-Brooklyn Borg (22-Henrique De Santana 57), 93-Thiago Espindola (11-Faysal Hassany 78)  – Coach: Andrew Cohen

SLIEMA W.: 12-Kelvin Emeka-Agu, 2-Jean Borg, 7-Adam Magri Overend, 9-Vito Plut (5-Neil Frendo 90), 10-Samuel Gomes Da Mata (18-Sergio Da Silva 80), 11-Myles Berman, 15-Gustavo Alcino, 20-Wescley Matos Da Silva (77-Mohamed Awad 64), 31-Henrique Murilo, 42-Simon Zibo, 70-Steve Pisani (14-Nicholas Strickland 90)  – Coach: Paul Zammit

REFEREE: Alex Johnson

ASS. REFEREES: Luke Portelli, Vasil Vasilev

RABA’ UFF: Fyodor Zammit

SKORERS: V. Plut 44, 74 (SW), G. Bohrer Mentz 63 pen, L.Riascos 95 (GU)

AMMONITI: B. Borg, F. R. Zuniga, L. C. Riascos (GU), H. Murilo (SW)

Ekonomija

Sport