Wednesday, October 30, 2024

PRIM MINISTRU ĠDID GĦALL-MALAŻJA

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Il-politika Malażjana bħalissa għaddejja minn żmien ta’ instabbiltà li mhijiex in-norma ġewwa dan il-pajjiż ta’ kważi 40 miljun ruħ. Dan għaliex f’dawn l-aħħar erba’ snin, dan il-pajjiż li jinsab fix-Xlokk tal-Ażja, sejjer ikollu r-raba’ bidla tal-Prim Ministru. Dan jikkontrasta bil-kbir mal-fatt li mill-1957 sa appuntu l-2018, jiġifieri fuq medda ta’ bejn wieħed u ieħor sittin sena, dan il-pajjiż kellu biss sitt prim ministri differenti.

Wara stennija drammatika ta’ kważi 25 sena, Anwar Ibrahim ġie maħtur bħala l-Prim Ministru l-ġdid tal-Malażja mir-Re Abdullah. Dan wara li r-riżultat tal-elezzjoni li għadha kemm saret kien wieħed li bih l-ebda partit ma ġab maġġoranza assoluta. Ir-Re Abdullah kellu biċċa xogħol iebsa sabiex joħloq xi forma jew oħra ta’ kompromess sabiex tinbena koalizzjoni li tkun tapaċi tiggverna minħabba li l-mexxejja tal-partiti huma mifrudin bejniethom fuq kwistjonijiet ideoloġiċi u fuq kollox fuq kwistjonijiet personali.

L-ewwel kapitlu fil-karriera politika ta’ Anwar Ibrahim

Il-ħolma ta’ Anwar Ibrahim li jsir il-Prim Ministru tal-Malażja saret realtà fi xjuħitu għaliex illum jgħodd 75 sena. Dan minkejja li ilu fix-xena politika ta’ pajjiżu sa minn meta kien student universitarju tant li kien il-fundatur ta’ partit bl-isem ta’ ABIM, partit li kien xewka f’dahar il-United Malays National Organisation jew kif inhu magħruf aħjar bħala l-UMNO, il-partit li sa ftit xhur ilu kellu l-monopolju fit-tmexxija tal-Malażja.

Ħafna osservaturi politiki ta’ dan ir-reġjun isostnu li konxju li bil-partit tiegħu ftit kellu ċans li jipprogressa fil-karriera politika tiegħu, Anwar kien issorprenda lil ħafna meta fl-1982 ingħaqad mal-UMNO. Għall-ewwel, din il-mossa politika ta’ Anwar dehret li kienet waħda tajba sabiex tissodisfa l-ambizzjonijiet politiċi tal-istess Anwar għaliex huwa beda tiela’ b’mod mgħaġġel ħafna l-iskaluni tal-partit u fl-istess ħin beda jingħata diversi karigi ministerjali importanti. Tant kien mexa fil-karriera politika tiegħu, li fl-1993, Anwar kien ingħata l-kariga ta’ deputat Prim Ministru tal-pajjiż mill-Prim Ministru ta’ dik il-ħabta u l-eks mexxej storiku tal-UMNO, Mahathir Mohamad li minkejja li llum għandu 97 sena għadu attiv fil-politika. Ta’ min jgħid li Mahathir Mohammed huwa l-aktar politiku li dam iservi bħala Prim Ministru tal-Malażja wara li qatta’ xejn anqas minn 26 sena fl-ogħla kariga politika ġewwa dan il-pajjiz. 

Minkejja li sal-1996 Aswar kien ikkunsidrat bħala s-suċċessur naturali ta’ Mahathir Mohammed, fl-1997, dawn iż-żewġ politiċi ġġieldu bl-ikrah fuq il-mod ta’ kif kienet qiegħda tiġi amministrata l-ekonomija Malażjana kif ukoll fuq skandli ta’ korruzzjoni.

Skandli sesswali u l-ħabs

Dan il-ġlied wassal sabiex, fl-1998, l-Prim Ministru Mahathir Mohammed kecca lil Anwar mill-gvern tiegħu. Bħala ritaljazzjoni kontra din it-tkeċċija, Anwar kien ifforma moviment bl-isem ta’ Reformasi u beda jorganizza ħafna protesti fit-toroq kontra l-istess Mohammed. 

F’mossa li ħafna mexxejja nternazzjonali kienu ddeskrivewha bħala skandaluża, fl-istess sena, Anwar ġie arrestat u ġie mixli b’akkużi ta’ korruzzjoni kif ukoll li kien ħa sehem f’atti omosesswali. Ta’ min jgħid li minkejja li fil-Malażja, bħalma hija n-norma ġewwa ħafna pajjiżi Musulmani, rapporti omosesswali huma illegali, ftit li xejn kienu jitressqu nies il-qorti fuq akkużi simili. Kien għalhekk li l-komunità internazzjonali kienet akkużat lil Mahathir Mohammed li kien ivvinta dawn l-akkużi sabiex joħnoq lill-avversarju politiku prinċipali tiegħu.

Minkejja li dan l-arrest kien wassal għal ħafna protesti fit-toroq tal-ibliet ewlenin tal-Malażja, fl-1999, Anwar ġie kkundannat għal sitt snin ħabs wara li nstab ħati fuq l-akkużi ta’ korruzzjoni u sena wara ġie kkundannat għal disa’ snin oħra għall-akkużi ta’ atti omosesswali li semmejna. Dan minkejja li Anwar baqa’ jiċħad l-akkużi fil-konfront tiegħu.

Kien biss wara li fl-2004, Mahathir Mohammed irriżenja minn Prim Ministru, li l-Qorti Suprema Malażjana ħelset lil Anwar mill-ħabs. Minn dakinhar li nħeles mill-ħabs, Anwar ha l-irwol tad-de factum mexxej tal-oppożizzjoni u fl-elezzjoni li kien saret madwar sena wara l-ħelsien tiegħu, Anwar għal ftit ma rnexxilux jirbaħ il-gvern. Milli jidher, il-mexxejja tal-pajjiż ta’ dak iż-żmien ukoll riedu akkost ta’ kollox jinnewtralizzaw lil Anwar u bħal Mahatir Mohammed, reġgħu ħarġu b’akkużi ta’ atti omosesswali fil-konfront ta’ Anwar, akkuzi li l-qorti ħelsitu minnhom fl-2012. Inkredibbilment, sentejn wara, l-qorti dawret id-deċiżjoni tagħha u lejliet elezzjoni statali, Anwar rega’ ntbagħat il-habs.

U-turn ta’ konvenjenza?

Sentejn wara li Anwar reġa’ ntbagħat il-ħabs, l-għedewwa politiċi ewlenin tiegħu, jiġifieri Mahatir Mohammed, li kif għedna kien ilu li rtira mix-xena politika aktar minn 10 snin u Najib Razak, il-Prim Ministru ta’ dik il-ħabta u alleat tal-istess Mahatir Mohammed, kellhom xi jgħidu bejniethom. F’dan l-istadju, kontra kull mistenni, Anwar li kien għadu maqful il-ħabs u Mohammed għamlu ħbieb u ngħaqdu sabiex jiġġieldu lil Razak.

Din l-alleanza waslet għat-tmiem tal-monolopolju politiku li kien ilu jgawdi l-eks partit ta’ Anwar u Mohammed, monopolju li kien ilu aktar minn sittin sena. Però, minkejja li Mohammed żamm kelmtu u ħeles lil Anwar mill-ħabs, huwa milli jidher ma żammx wegħda oħra li kien għamel lil Anwar u lill-alleati oħra, jiġifieri dik li jċedi l-poter lil Anwar wara sentejn. Dan wassal sabiex fl-2020 waqa’ l-gvern u l-UMNO reġa’ rebaħ il-gvern wara elezzjoni bikrijja. Però, din id-darba, ir-renju tal-UMNO ma damx wisq għaliex il-gvern waqa’ wara madwar sentejn fil-poter. Dan wassal għall-elezzjoni ta’ Ottubru li għadda.

Minkejja li l-Pakatan Harapan, l-alleanza li mexxa Anwar għal din l-elezzjoni rebħet l-akbar ammont ta’ siġġijiet, kif diġà għedna fl-introduzzjoni, mhuwiex sejjer ikun faċli għal Anwar li jmexxi l-koalizzjoni maqbula mar-Re u li hija magħmula minn partiti li mhumiex neċessarjament favur il-politika inklussiva ta’ Anwar. Fuq kollox, kif għallmitna l-istorja, meta jkun hemm l-instabbiltà politika ġewwa pajjiż, jibdew iqumu fuq tagħhom partiti estremisti li fil-Malażja huma dawk magħmula mill-estremisti Iżlamiċi.

Sport