L-aħbar tal-mewta għall-għarrieda tal-Avukat Prosekutur Karl Muscat, magħruf u maħbub minn ħafna b’mod speċjali fil-lokalità fejn trabba, ir-Rabat, ħasdet lil Malta. Dott. Muscat, li sa ftit ġimgħat ilu kien attiv ħafna jservi fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, kien fost l-oħrajn qiegħed jinvetiga każijiet jaħarqu dwar ħasil ta’ flus. Fix-xogħol tiegħu dan l-avukat kien deskritt bħala diliġenti ħafna mill-kollega u ħabiba, Dott. Rachel Tua li f’kumment li tat lil talk.mt qaltilna li Karl kien jistinka u tal-affari tiegħu fil-kamp professjonali, mentri fil-ħajja privata huwa kien persuna li jħobb ħafna jissoċjalizza u bi tbissima dejjem fuq fommu.
“Karl kien persuna onesta u ġusta. Fir-rwol tiegħu ta’ avukat prosekutur fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kien diliġenti ħafna. Waħda mill-aktar karatteristiċi sbieħ tiegħu kien il-fatt li kien persuna ferriħija u mimli enerġija pożittiva. Il-qtates kienu d-dinja tiegħu u l-għena tiegħu kien jara film t’azzjoni fiċ-ċinema,” spjegat Dott. Tua.
Hija qaltilna li Karl kien iħobb jitħallat man-nies tant li kien interessat fil-politika għax ried ikun viċin tal-poplu u jgħin lill-komunità inġenerali. Dott. Tua, li ilha taf lil dan l-avukat minn ċkunita u fl-adoloxxenza kienu jqattgħu ħafna ħin flimkien, qatilna li l-aħħar li ratu kien ġimgħatejn ilu u kien proprju din il-ġimgħa li kienu miftehmin ma’ ħabib ieħor biex jiltaqgħu.
Mistoqsija jekk minħabba n-natura tax-xogħol tiegħu, Dott. Karl, kellux pressjoni kbira, Dott. Tua kkonfermat li “iva”, fejn żiedet tgħid li, “l-avukati prosekuturi kollha fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali huma taħt pressjoni u dan minħabba li huma mimlijin bix-xogħol”.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar il-mewt ta’ Dott Karl Muscat, li kellu 43 sena, għadhom għaddejjin u xejn m’huwa eskluż. Dan l-avukat prosekutur instab mitluf minn sensih b’nifsu maqtugħ fil-kamra tas-sodda fir-residenza tiegħu ftit tal-ħin wara nofsinhar nhar l-Erbgħa li għadda.
Kienu ħafna l-persuni u għaqdiet li mal-aħbar esprimew sogħba għal din it-telfa u taw il-kondoljanzi lill-qraba tiegħu, mentri oħrajn esprimew tħassib dwar kif dan l-avukat pjuttost ta’ età żgħira, miet ħabta u sabta.
Fost dawk li esprimew dispjaċir għal din l-aħbar kerha fuq il-midja soċjali, kitbet Roberta Metsola fejn qalet li tinsab maħsuda u li, “lil Karl sirt nafu aħjar meta ddeċieda li jiddedika ħinu għall-komunità Rabtija. Għalih, il-politika kienet mezz biex ikun ta’ servizz għall-komunità. L-istess servizz li ta fil-karriera legali tiegħu”.
Is-Sindku tal-Gżira, Conrad Borg Manchè li wkoll huwa xxokkjat b’din l-aħbar, kiteb li huwa u Karl kienu flimkien fil-kors tal-liġi u “nista’ ngħid li kien persuna integra u tal-affari tiegħu”.
Il-Kunsill tar-Rabat isellem lil wieħed minnhom…
Ma setax jonqos is-Sindku tar-Rabat, Sandro Craus, li f’isem sħabu l-kunsilliera tar-Rabat sellem il-memorja ta’ wieħed minnhom li lkoll flimkien ħadmu għall-ġid tar-residenti tar-Rabat. Craus kiteb li Karl kien “persuna li kellha ħeġġa kbira biex taħdem għal-lokalità tagħna bla ebda distinzjoni. Insellimlek ħabib u grazzi ta’ kemm kont tgħallimni termini wżati fil-kamp tal-liġi. Grazzi fuq kollox tal-ħbiberija sinċiera tiegħek. Sa ma nerġgħu niltaqgħu, insellimlek”. Is-Sindku tal-Imqabba, Owen Sciberras, iddeskriva l-jum li fih ħallina Dott. Muscat bħala “iswed”.
Fil-kamp politiku, Bernard Grech sellem il-memorja ta’ dan l-eks kunsillier tal-Partit Nazzjonalista fejn iddeskrivih bħala “raġel ġentili u prudenti”. Il-Kap tal-PN kiteb li “niftakar b’għożża d-diskussjonijiet li kien ikollna dwar ix-xogħol legali u anke l-politika, fejn kemm-il darba tkellem miegħi b’nostalġija dwar missieru”.
Kristie Debono min-naħa tagħha qalet li l-aħbar tal-mewt ta’ Karl Muscat, li kien ħabib u eks kollega, hija waħda terribbli u ta’ wġigħ il-qalb.
Ħabib antik ta’ dan l-avukat ukoll irrikorra għall-midja soċjali fejn kiteb li “dan huwa jum ta’ niket għal kull min jaf lil Karl Muscat. Kien raġel sod u ċert li ħadd ma stenna li jħallina b’dan il-mod. Ili ma narah żmien iżda fl-imgħoddi konna ħbieb sew, konna nilagħbu u wara anke ħdimna flimkien. Qabel ix-xogħol konna morru ngħoddsu bla apparat u dan kien jirrilassah ħafna. L-għan tiegħu kien li jiggradwa fil-liġi u l-ħolma li kellu kienet li jkun involut fil-politika”.
Tislima speċjali ngħatat mill-klabb tal-football “Rabat Ajax FC” li jiftakru lil Karl bħala tifel jattendi n-nursery tagħhom u kien lagħab bħala player mal-minors tar-Rabat Ajax.
Maġistrat Taljan b’tama li mhux espisodju ta’ silenzju perikoluż
Min-naħa l-oħra, persuna li tellgħet messaġġ ta’ tħassib huwa l-maġistrat anti mafja u awtur Taljan, Sebastiano Ardita, fejn speċifika li Karl kien qiegħed jinvestiga lil Yorgen Fenech, akkużat li ppjana l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kif ukoll kien għaddej bi proċeduri kontra Vince Buhagia, l-eks chairman tal-Allied Group dwar ħasil ta’ flus u tixħim; Ryan Schembri li kien is-sid ta’ “More Supermarkets” li ħarab mill-pajjiż fl-2014 b’dejn ta’ €40 miljun; u kien involut fil-proċeduri kontra Christian Borg u ħamsa oħra akkużati li ħatfu raġel fir-Rabat.
Ardita kiteb li, “s’issa għadu mhux magħruf x’wassal għall-mewt tiegħu. Il-pulizija mhuma jeskludu xejn iżda għadhom qegħdin jistennew l-awtopsja. Nittamaw li dan l-espisodju m’huwiex silenzju perikoluż”.
Karl Muscat kien it-tielet fost tliet aħwa wlied il-mibki Pierre Muscat, li kien Membru Parlamentari Nazzjonalista u Segretarju Parlamentari. Huwa kien ferm maħbub fid-distrett tar-Rabat fejn fl-2019 kien elett bħala Kunsillier f’isem il-PN.