Wednesday, April 24, 2024

Il-Bank Ingliż iwissi li r-Renju Unit se tidħol f’riċessjoni din is-sena

Aqra wkoll

Il-Bank Ingliż qiegħed iwissi dwar riċessjoni fir-Renju Unit hekk kif għolla r-rati tal-imgħax għall-ogħla rati f’dawn l-aħħar 27 sena.

L-ekonomija hija mbassra li tiċkien fl-aħħar tliet xhur ta’ din is-sena u tibqa’ tiċkien sal-aħħar tas-sena li ġejja.

Ir-rati tal-imgħax żdiedu għal 1.75 fil-mija hekk kif il-Bank qiegħed jiġġieled biex iwaqqaf il-prezzijiet li qegħdin ikomplu jogħlew. Skont rapporti, l-inflazzjoni issa mistennija li taqbeż it-13 fil-mija.

Il-Gvernatur Andrew Bailey qal li kien jaf li l-għoli tal-ħajja hija diġà sfida diffiċli, iżda żied jgħid li li kieku ma għolewx ir-rati tal-imgħaxijiet, is-sitwazzjoni kienet se tkun saħansitra agħar minn hekk.

Waħda mir-raġunijiet ewlenin taż-żieda fl-inflazzjoni hija l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna li wasslet għal żidiet sostanzjali fil-prezzijiet tal-enerġija. Hawnhekk il-Bank wissa li sa Ottubru, residenzi tipiċi se jkunu qegħdin iħallsu kważi £300 fix-xahar f’kontjiet tal-enerġija.

Ir-riċessjoni mistennija tkun l-ikbar daqqa ta’ ħarta sa mill-2008, meta s-sistema bankarja tar-Renju Unit iffaċċjat kollass u sussegwentament ma baqax jingħata s-self.

It-tnaqqis mhux stabbilit li jkun daqstant profond daqs dak ta’ 14-il sena ilu iżda mhux eskluż li jtawwal daqstant.

Il-gvernatur tal-Bank Andrew Bailey esprima s-simpatija ma dawk li l-aktar qegħdin isibuha diffiċli biex ikampaw mal-għoli tal-ħajja u stqarr jgħid li jifhem li hemm min se jistaqsi dwar jekk din iż-żieda fir-rati tal-imgħaxijiet hux se tkompli tiggrava s-sitwazzjoni.

Iż-żieda fir-rati tal-imgħax hija mod wieħed biex tipprova tikkontrolla l-inflazzjoni peress li jiżdiedu l-ispejjeż relatati mas-self u b’hekk in-nies jaslu biex jissellfu u jonfqu inqas. Madankollu, ħafna familji se jkomplu jingħafsu wara ż-żieda fir-rata tal-imgħax b’mod speċjali dawk li jisselfu biex jixtru proprjetà.

Sport