Wednesday, April 24, 2024

Nirien f’nightclub fit-Tajlandja jħalli minn tal-inqas 13 mejta u għexieren oħra midruba

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minn tal-inqas 13-il persuna mietu u 41 oħra ndarbu wara li nar ħakem nightclub fil-provinċja ta’ Chonburi fix-Xlokk tat-Tajlandja.

Il-pulizija qalet li kien għall-ħabta tas-1.00 a.m. (ħin lokali) meta kienu infurmati b’nirien li ħakmu n-nightclub Mountain B, li jinsab fid-distrett ta’ Sattahip. 

Filmati li ċċirkolaw fuq l-internet kienu juru nies jaħarbu mill-club, uħud minnhom jgħajtu u oħrajn bi ħwejjiġhom jaqbdu. Il-ħaddiema tas-salvataġġ qalu li materjal li jaqbad mal-ħitan seta’ kebbes aktar in-nirien. 

Skont rapporti lokali, il-pumpiera ħadu aktar minn sagħtejn biex ikkontrollaw in-nirien. Fost dawk mejta kien hemm erba’ nisa u disa’ rġiel, li nstabu fid-daħla tal-club u anke fil-kmamar tal-banju. Oħrajn instabu ħdejn il-kabina tad-DJ.

Huwa mifhum li l-vittmi kollha sa issa huma maħsuba li huma ta’ nazzjonalità Tajlandiża. 

Fil-kummenti tiegħu, il-PM Tajlandiż Prayuth Chan-ocha qal li l-familjari tal-vittmi se jkunu qed jingħataw għajnuna mill-awtoritajiet u ħeġġeġ lill-postijiet tad-divertiment madwar il-pajjiż sabiex jiżguraw li jkollhom ħruġ ta’ emerġenza xierqa u anke mezzi ta’ sigurtà. 

Din ma kinitx l-ewwel darba li qabad nirien f’nightclub Tajlandiż. Fl-2009, aktar minn 60 persuna mietu f’Bankok wara nar fis-Santika Club li seħħ fis-sigħat bikrin tal-Ewwel tas-Sena. Żewġt irġiel, inkluż sid il-bar, kienu ntbagħtu l-ħabs fl-2011.

Fis-sena 2012, erba’ persuni mietu u 12 oħra ndarbu wara nirien f’nightclub fid-destinazzjoni turistika popolari Tajlandiża ta’ Phuket fl-2012.

Sport