Wednesday, April 24, 2024

“Proġett bħal dak tal-mini ta’ Santa Luċija juri l-impenn qawwi li għandu l-Gvern fis-settur tal-infrastruttura” – Il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

50% tal-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija lest

Illum il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg, flimkien mas-Segretarju Permanenti tal-istess Ministeru Christopher Cutajar, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Fredrick Azzopardi u l-periti ta’ din l-aġenzija, żaru l-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija hekk kif Infrastructure Malta qed tintensifika x-xogħlijiet sabiex dan il-proġett jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena.

Dan il-proġett jinkludi żewġ mini li jgħaddu minn taħt ir-roundabout ta’ Santa Lucija biex b’hekk tinħoloq konnessjoni diretta bejn Vjal Santa Luċija (it-telgħa tal-Addolorata) u t-Triq tal-Barrani. Fuq dawn il-mini, ir-roundabout eżistenti ser terġa’ tinbena b’disinn ġdid li jiffaċilita aċċess aħjar u aktar sikur għar-residenti ta’ Santa Luċija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien. Il-proġett jinkludi wkoll disinn u bini ġdid tat-trakka tal-jogging li hemm viċin, it-titjib tal-pedestrian subways sabiex tkun aktar aċċessibbli għaċ-ċiklisti u għall-persuni b’diżabilità, kif ukoll passaġġ għaċ-ċiklisti u għal min jimxi li jgħaqqad lil Santa Luċija mal-Marsa.

Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li l-proġetti bħal dak li qed iżuru llum, dak tal-mini ta’ Santa Luċija, juru l-impenn qawwi li l-Gvern għandu għas-settur tal-infrastruttura. “Il-Gvern qed jiġri ’l quddiem u jwettaq dak li ħafna ħasbu li kien forsi pjan ambizzjuz iżżejjed. Illum, meta l-proġetti l-maġġuri qed isiru realtà, kulħadd qed jifhem li meta jkollok pjan ċar, tasal biex tagħmel il-proġetti ta’ portata kbira”, sostna Dr Abela.

Dr Abela rringrazzja lil ħaddiema kollha li qed jaħdmu u jagħtu l-almu kollu tagħhom f’dan il-proġett u anke fil-proġetti kollha l-oħra fiz-żmien straordinarju li għaddejjin minnu. Il-Prim Ministru temm jgħid li dawn il-proġetti qed isiru sabiex inkomplu nlestu lil Malta għall-futur u sabiex dejjem innaqqsu l-iskariġġi kemm fuq is-sewwieqa, in-nies li jimxu fit-toroq u r-residenti tal-madwar.

“Dan huwa proġett li huwa importanti daqs dak tal-Marsa Junction hekk kif mhux biss ser ikompli jibni fuq il-proġett tal-Marsa sabiex l-eluf ta’ persuni li joqogħdu jew jaħdmu fin-nofsinhar ta’ Malta jkunu jistgħu jivvjaġġaw b’inqas dewmien u għalhekk b’aktar serenità, imma għaliex hawnhekk ukoll rajna kif nimmassimizzaw il-benefiċċji li ser joħorġu mill-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija. Rajna l-bżonnijiet tar-residenti tal-inħawi u għalhekk tejjibna l-aċċessi għal min jimxi, juża r-rota u għal persuni b’diżabilità filwaqt li ser intejbu anke spazju miftuħ, dik tat-trakka tal-jogging li hawn fl-inħawi ta’ Santa Luċija,” qal il-Ministru Ian Borg.

“Ta’ min ifakkar li fid-dawl tal-Covid-19, Infrastructure Malta rat kif filwaqt li tieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa għall-ħaddiema tagħha u tal-kuntratturi, qed tieħu l-opportunità biex tħaffef ix-xogħlijiet speċjalment f’żoni li jirrikjedu devjazzjonijiet, waqt li hawn inqas nies fuq it-toroq tagħna. L-aġenzija kompliet b’bosta xogħlijiet f’diversi inħawi bħall-Marsa-Ħamrun Bypass, is-Central  Link Project, il-Marsa Junction Project u fit-toroq residenzjali, fost oħrajn, u għalhekk  filwaqt li nirringrazzja lill-ħaddiema, inħares ’il quddiem għall-kontinwazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet sabiex x’ħin jerġa’ jiġi kollox lura għan-normal, ir-residenti ta’ pajjiżna jsibu infrastruttura tal-ogħla kwalità, hekk kif jixraq lil pajjiżna”, tenna l-Ministru Ian Borg.

Informazzjoni fuq il-proġett

Il-mini li ser ikollhom erba’ korsiji ser ikunu qed jestendu 90 metru taħt ir-roundabout eżistenti, biex għalhekk jgħaqqdu ż-żewġ karreġġjati bejn Vjal Santa Luċija u tal-Barrani. Żewġ rampi ser ikunu qed jgħaqqdu dawn il-mini ma’ dawn it-toroq. Ir-roundabout il-ġdida ser tkun qed tingħaqad ma’ Vjal Santa Luċija u ma’ Triq tal-Barrani b’erba’ slip roads.

Matul dawn l-aħħar xhur, il-ħaddiema bnew ukoll 1.1 km ta’ walkthrough underground culvert, li jestendi mit-Triq tal-Barrani, tul Vjal l-Avjazzoni, biex jingħaqad ma’ network simili li nbena taħt il-flyovers tal-proġett tal-Marsa Junction. Dawn il-mini fihom waħda mill-konnessjonijiet tal-elettriku prinċipali ta’ pajjiżna ta’ 132kV f’vultaġġ għoli.

L-iskavar u l-formazzjoni ta’ dawn ir-rampi, li huma 130 metru fit-tul, huma kważi lesti. Bħalissa l-kuntratturi qed iħaffru l-aħħar biċċa ta’ din il-konnessjoni taħt ir-roundabout. Il-maġġoranża tal-ħitan tal-appoġġ huma wkoll lesti. Qegħdin jintużaw 398 pannelli tal-konkos infurzat biex jiġu ffurmati dawn il-ħitan. Il-bini tal-islip roads qed isir ukoll hekk kif fix-xhur li ġejjin ser ikunu qed jintużaw bħala rotot alternattivi temporanji, sakemm l-aħħar parti tal-istruttura tal-mini tkun qiegħda tinbena.

Infrastructure Malta qiegħda tibdel ukoll sistema ta’ pajpijiet tal-ilma għaddejja minn taħt l-art fl-istess żona filwaqt li qiegħda tpoġġi diversi kilometri ta’ cable ducts għall-internet, sistemi tal-immaniġġjar tat-traffiku u sistemi oħra ta’ telekomunikazzjoni taħt l-art. Ġibjuni ġodda u 2.7 kilometri ta’ pajpijiet li jilqgħu l-ilma tax-xita huma wkoll inklużi bħala parti minn dan il-proġett importanti.

Sport