Sunday, April 14, 2024

“Proġett maħsub li jnaqqas l-emmissjonijiet u jagħti spazju miftuħ lir-residenti tal-lokal”

Konsultazzjoni dwar proġett ambjentali f’San Ġwann

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-jiem li ġejjin mistennija tibda konsultazzjoni pubblika b’rabta mal-proġett ambjentali li se jsir fil-lokalità ta’ San Ġwann. Proġett li se jkun qed isir bħala parti mill-istrateġija ambjentali tal-Gvern, sabiex permezz ta’ allokazzjoni ta’ €700 miljun għas-seba’ snin li ġejjin, ikun hemm aktar spazji miftuħa fl-ibliet u l-irħula tagħna. L-Aġenzija Project Green, li twaqqfet aktar kmieni din il-ġimgħa se tkun responsabbli minn dawn il-proġetti.

F’San Ġwann se jsir proġett li se jagħti lil din il-komunità 6,500 metru kwadru ta’ spazji ħodor minflok l-aktar żona urbanizzata u traffikuża f’din il-lokalità. Se tinħoloq underpass fi Vjal ir-Rihan sabiex it-traffiku jgħaddi minn taħt l-art, filwaqt li n-nies igawdu minn spazju miftuħ ġdid li se jingħaqad mal-Ġnien Karin Grech.

Talk.mt tkellem mas-Sindku ta’ San Ġwann Trevor Fenech li qalilna li l-Gvern laqa’ l-proposta tal-Kunsill biex isir dan il-proġett billi huwa wieħed maġġuri. Qal li l-għan wara dan il-proġett huwa li jonqsu kemm jista’ jkun l-emissjonijiet u jingħata spazju miftuħ lir-residenti tal-lokal. Apparti minn hekk, il-proġett se jinkludi wkoll parkeġġ taħt l-art li se jkun qed iżid l-ispazji ta’ parkeġġ meta kkumparat ma’ dak li hemm preżenti.

Fenech qal li aktar dettalji dwar il-proġett se jinħarġu wara l-konsultazzjoni pubblika biex jisimgħu x’għandhom xi jgħidu n-nies, NGOs u għaqdiet oħra fuq l-istess proġett. 

“Dan il-lokal m’għandux pjazza iżda quddiem il-Knisja għandna triq prinċipali. B’dan il-proġett se noħolqu pjanura waħda biex ikollna pjazza kif suppost,” tenna s-Sindku ta’ San Ġwann.

Ekonomija

Sport