Wednesday, October 9, 2024

Proġett soċjali li għamel differenza sinifikanti fil-ħajja ta’ bosta familji

Żjara lill-familji residenti fil-binja ta’ akkomodazzjoni soċjali fis-Siġġiewi

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes żar lill-familji residenti fil-binja ta’ akkomodazzjoni soċjali msemmija għall-mibki Silvio Parnis, fis-Siġġiewi.

Dan il-proġett sar b’investiment ta’ madwar tlettax-il miljun ewro u jinkorpora fih 84 appartament, u garaxxijiet u spazji għall-karozzi li jammontaw għal madwar 126.

Matul din iż-żjara, il-ministru tkellem mal-familji residenti f’din il-binja, fejn il-benefiċjarji qasmu l-esperjenzi tagħhom. L-istess benefiċjarji spjegaw li dan il-proġett soċjali għamel differenza sinifikanti f’ħajjithom, hekk kif għolla l-kwalità ta’ ħajja tagħhom. Stqarrew li llum qegħdin jgħixu f’residenza sigura li toffri dinjità lilhom u lill-familji tagħhom.

Il-ministru tkellem ukoll ma’ anzjana residenti f’din il-binja li spjegat li llum tista’ tilqa’ f’darha lin-neputijiet tagħha, f’residenza sigura u tgawdi ħin ta’ kwalità magħhom, xi ħaġa li qabel sfortunatament ma setgħetx tagħmel b’serħan il-moħħ.

“Dawn l-esperjenzi juru l-importanza ta’ proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali, bħall-proġett tal-Binja Silvio Parnis fis-Siġġiewi, hekk kif permezz tagħhom inkunu nistgħu mhux biss noffru saqaf sigur lill-benefiċjarji, iżda wkoll noħolqu residenzi dinjitużi li jkomplu jgħollu l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin,” tenna l-Ministru Galdes.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm Dorianne u Jacob Parnis, mart u iben il-mibki Silvio Parnis, hekk kif din il-binja ġiet imsemmija proprju għalih. Il-ministru spjega li dan il-proġett huwa xhieda ħajja ta’ dak li kellu għal qalbu Silvio Parnis, hekk kif huwa ddedika ħajtu għall-qasam soċjali. Il-ministru kompla jispjega l-impenn tal-Gvern li jibqa’ jkun ta’ spalla għal kull individwu fis-soċjetà tagħna u jwettaq proġetti soċjali li jħallu marka fil-ħajja tal-benefiċjarji.

Sport