Sunday, December 22, 2024

Proġett soċjali li joffri id lil dawk li jeħtieġu l-għajnuna

Il-PM jinawgura ċ-Ċentru Komunitarju tal-Caritas

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Nemmen bis-sħiħ li dan il-proġett soċjali importanti jista’ jagħmel differenza f’ħajjet dawk in-nies li jkunu jeħtieġu dik l-id, dik l-imbuttatura biex huma wkoll iħossuhom parti minn din Malta tagħna.”

Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela meta dalgħodu inawgura uffiċjalment iċ-Ċentru Komunitarju tal-Caritas fil-Ħamrun b’investiment ta’ €3 miljun bejn finanzjament lokali u dak minn fondi Ewropej. Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt, l-Arċisqof Charles J. Scicluna, Mons. Victor Grech u diversi Ministri fost l-oħrajn. 

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru qal li meta bdew ix-xogħlijiet f’dan iċ-ċentru, il-ħsieb tat-tmexxija tal-Caritas kien li joħolqu ċentru li joffri servizzi soċjali fosthom lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà minħabba sitwazzjonijiet differenti fosthom saħħa mentali, problemi oħra riżultat ta’ użura, li jingħataw l-għajnuniet lil dawk li jifilħu l-inqas u anke appoġġ lill-qraba ta’ persuni li għaddejjin minn programm ta’ rijabilitazzjoni minn xi vizzju. 

Huwa fisser dan iċ-ċentru bħala dar ta’ servizz għan-nies, b’ambjent ħolistiku li jinsab fil-qalba ta’ pajjiżna. “Rajt nies iqumu fuq saqajhom jgħaddulek messaġġ profond u qawwi li kulħadd ħaqqu t-tieni ċans f’ħajtu.

“Caritas hi minjiera ta’ opportunitajiet għal dawk li għaddejjin minn żminijiet diffiċli. Ħidma sabiħa u li hi mimlija b’imħabba mingħajr ma tħares lejn wiċċ ħadd,” qal il-Prim Ministru.

“Dan il-proġett huwa impenn soċjali li jistħoqqlu kull appoġġ. Kien għalhekk li bħala Gvern ħadna deċiżjoni li nagħtu sostenn tagħna biex dan jitwettaq b’allokazzjoni ta’ aktar minn €2 miljun minn fondi Ewropej u €1 miljun ieħor allokat mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp.”

Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li għas-sena d-dieħla, il-Gvern iddedika xejn inqas €2.8 miljun biex Caritas tkun tista’ tkompli s-servizzi tagħha fiċ-Ċentru tal-Ibwar, fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas kif ukoll f’Dar Charles Miceli. 

Tenna li “bħala Gvern irridu nibqgħu nkunu sensittivi għall-ħtiġijiet tan-nies. Ma rridu ninsew qatt liż-żgħir. Dan hu prinċipju li rridu nħaddnu lkoll. Hekk nistgħu nitkellmu fuq pajjiż verament b’saħħtu, Malta soċjetà b’saħħitha.”

Ekonomija

Sport