Monday, May 13, 2024

Protesti fil-Libja wara l-għargħar f’Derna … id-dimostranti jagħtu n-nar lid-dar tas-Sindku

Aqra wkoll

Matul il-jum tat-Tnejn faqqgħu protesti kbar f’Derna, il-Libja, b’mijiet jesprimu r-rabja tagħhom kontra l-awtoritajiet u jitolbu li tintrefa’ r-responsabilità wara l-għargħar tal-ġimgħa li għaddiet li ħalla eluf ta’ persuni mejta u qered saħansitra distretti sħaħ.

Aktar tard filgħaxija, id-dimostranti taw ukoll in-nar lir-residenza ta’ dak li kien is-Sindku ta’ Derna, Abdulmenam al-Ghaithi. Qed ikun irrapportat li Hichem Abu Chkiouat, ministru fil-Gvern tal-Lvant Libjan, qal li Ghaithi ġie sospiż mill-kariga tiegħu.

Fil-mira tad-dimostranti kien hemm ukoll uffiċjali, inkluż il-kap tal-parlament Libjan ibbażat fil-Lvant, Aguila Saleh. Il-gvern fil-Lvant tal-Libja qal li l-Prim Ministru Usama Hamad keċċa lill-membri kollha tal-Kunsill muniċipali ta’ Derna u rreferihom għall-investigazzjoni.

“Aguila, ma rridux. Il-Libjani kollha huma aħwa,” qalu d-dimostranti filwaqt li sejħu għall-għaqda nazzjonali f’pajjiż li tħalla politikament imkisser b’aktar minn għaxar snin ta’ kunflitt u kaos.

Mansour, student li kien qiegħed jieħu sehem fil-protesta, qal li ried investigazzjoni urġenti dwar il-kollass ta’ digi, li “wasslu biex nitilfu eluf mill-maħbubin tagħna.”

Resident ieħor, Taha Miftah, qal li d-dimostrazzjoni kienet messaġġ li “l-gvernijiet naqsu milli jamministraw il-kriżi” u żied jallega li t-tort kien tal-parlament. Huwa sejjaħ għal inkjesta internazzjonali dwar id-diżastru u “għal rikostruzzjoni taħt superviżjoni internazzjonali.”

L-għadd totali ta’ mwiet għad irid jiġi żvelat, bl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa kkonfermat sa issa 3,922 mewt. Il-Libyan Red Crescent kien qal li minn tal-inqas mietu 11,300 persuna u akar minn 10,000 oħra għadhom neqsin.

Sport