Wednesday, December 25, 2024

Putin ikeċċi lil Ġeneral għoli wara fallimenti fil-loġistika

Aqra wkoll

Il-President Russu Vla­di­­mir Putin keċċa lill-ġe­neral tal-armata li kien qiegħed jieħu ħsieb il-loġistika tal-militar u dan wara nuqqasijiet kbar li kien hemm s’issa fil-gwerra ġewwa l-Ukrajna. 

Il-Ġeneral Dmitry Bulgakov, li għandu 67 sena u li kien ukoll deputat ministru tad-difiża, tneħħa minn din il-kariga nhar is-Sibt li għadda u issa se jkun qiegħed jassumi rwol ieħor. Floku issa se jkun qiegħed jieħu l-inkariġu l-Kur­unell Ġeneral Mikhail Mizintsev li kien il-moħħ wara l-assedju brutali Russu fuq il-belt port ta’ Mariupol. 

Bulgakov kien ilu jieħu ħsieb il-loġistika tal-armata mill-2008 u kellu r-responsabbiltà li s-suldati Russi jkollhom il-provvisti kollha li jkollhom bżonn. 

Osservaturi internazzjonali qalu li matul l-aħħar xhur ġewwa Moska l-fiduċja f’Bulgakov naqset bil-kbir hekk kif ħafna bdew jitfgħu l-ħtija fuqu għall-operazzjonijiet ta’ loġistika li ħafna drabi kienu kaotiċi u xekklu bil-kbir lis-suldati Russi. Fl-aħħar xhur ukoll, il-Kremlin kellu jirrikorri għall-Korea ta’ Fuq u l-Iran – żewġ alleati ta’ Moska – biex dawn jipprovdulhom artillerija u anke drones.  It-tkeċċija tal-Ġeneral Bulgakov saret ukoll ftit tal-ħin wara li fuq il-midja soċjali bdew jiċċirkolaw ritratti ta’ armi msaddin u f’kundizzjoni ħażina li qegħdin jingħataw is-suldati li ġew mgħajta f’dawn l-aħħar jiem.  

It-tkeċċija ta’ Bulgakov u l-ħatra ta’ Mizintsev jidher li niżlet tajjeb ħafna fost dawk favur l-azzjoni militari Russa fl-Ukrajna. Il-Ġeneral Mizintsev jinsab taħt sanzjonijiet min-naħa tal-Punent minħabba l-irwol tiegħu fil-massakru ta’ Mariupol li għalih ingħata l-laqam ta’ “l-Biċċier ta’ Mariupol”. Huwa kien ukoll mexxa kampanja qalila ġewwa s-Sirja u kien magħruf għall-bumbardamenti bla ħniena li ħallew lill-belt ta’ Aleppo f’ħerba. 

Ekonomija

Sport