Ftit tal-minuti ilu l-White House tat dikjarazzjoni tat-telefonata li kellhom aktar kmieni il-President Amerikan Donald Trump u l-President Russu Vladimir Putin.
Midja internazzjonali rrapurtat li llum il-President Trump u l-President Putin tkellmu dwar il-ħtieġa ta’ paċi u ta’ waqfien mill-ġlied fil-gwerra tal-Ukrajna.
Iż-żewġ mexxejja qablu li dan il-kunflitt jeħtieġ li jintemm b’paċi dejjiema. Saħqu wkoll fuq il-ħtieġa għal relazzjonijiet bilaterali mtejba bejn l-Istati Uniti u r-Russja.
Il-mexxejja qablu li l-moviment għall-paċi se jibda b’waqfien mill-ġlied tal-enerġija u tal-infrastruttura, kif ukoll negozjati tekniċi dwar l-implimentazzjoni ta’ waqfien mill-ġlied marittimu fil-Baħar l-Iswed, waqfien mill-ġlied sħiħ u paċi permanenti.
Dawn in-negozjati se jibdew immedjatament fil-Lvant Nofsani. Il-mexxejja tkellmu b’mod wiesa’ dwar il-Lvant Nofsani bħala reġjun ta’ kooperazzjoni potenzjali biex jiġu evitati kunflitti futuri. Huma ddiskutew aktar il-ħtieġa li titwaqqaf il-proliferazzjoni ta’ armi strateġiċi u se jimpenjaw ruħhom ma’ oħrajn biex jiżguraw l-aktar applikazzjoni wiesgħa possibbli.
Iż-żewġ mexxejja qasmu l-fehma li l-Iran qatt m’għandu jkun f’pożizzjoni li jeqred lill-Iżrael. Iż-żewġ mexxejja qablu li futur b’relazzjoni bilaterali mtejba bejn l-Istati Uniti u r-Russja għandu vantaġġ kbir. Dan jinkludi ftehimiet ekonomiċi enormi u stabbiltà ġeopolitika meta tkun inkisbet il-paċi.