Tuesday, April 30, 2024

“Qatt ma bsart li se jkolli x-xorti li nkun preżenti għal okkażjoni importanti bħal din”

Aaron Azzopardi, abbati Malti preżenti fil-Vatikan

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Inħossni kuntent ħafna u grat li ninsab hawnhekk u qed nagħti s-servizz tiegħi fil-Bażilika ta’ San Pietru. Esperjenza li żgur mhu se ninsieha qatt!’’ Iddikjara dan Aaron Azzoppardi, wieħed mis-seba’ abbatini Maltin li ħadu sehem fil-funeral tal-Papa Emeritu Benedittu XVI, f’kumment li ta’ lil Talk.mt.

Aaron Azzoppardi, l-abbatin li qed jirrappreżenta l-parroċċa ta’ Santa Marija ta’ Ħad-Dingli, spjega ma’ dan is-sit li din mhijiex l-ewwel esperjenza tiegħu fil-Vatikan. Minkejja dan, qal li għadu sal-ġurnata tal-lum ma jistax jemmen li qiegħed preżenti għal avveniment importanti bħal dan.

Aaron, flimkien ma’ sitt abbatini oħra u l-Monsinjur Frans Bonnici, li hu d-Direttur tal-Għaqda Nazzjonali tal-Abbatini, waslu Ruma ftit tas-sigħat qabel il-mewt tal-Papa Emeritu. Huwa żied jgħid li hekk kif tħabbret il-mewt tal-Papa Benedittu XVI, l-impenji tagħhom bħala abbatini nbidlulhom kompletament.

Aaron flimkien mal-abbatini l-oħra preżenti fil-Vatikan

Wara l-mewt tiegħu, il-katavru tal-Papa Benedittu XVI kien espost għall-pubbliku għal tlett ijiem sħaħ. F’kumment li qasam ma’ Talk.mt, huwa spjega li f’dawn it-tlett ijiem kien hemm żieda fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-quddies u bdew jaslu numru konsiderevoli ta’ saċerdoti, isqfijiet u kardinali minn madwar id-dinja kollha.

Żied jgħid li f’kull quddiesa li ġiet imqaddsa, kien hemm madwar 40 saċerdot, u li fihom attendew diversi reliġjużi minn pajjiżi differenti. Fil-fatt, iċ-ċelebrazzjonijiet kollha tal-quddies qed isiru fil-Katedra, wara t-tribunal.

Ilbieraħ filgħodu, għall-ħabta tad-9:30 a.m. fi Pjazza San Pietru, il-Knisja Kattolika tat l-aħħar tislima lill-Papa Emeritu Benedittu XVI f’funeral ippresedut mill-Papa Franġisku u kkonċelebrat mid-Dekan tal-Kulleġġ tal-Karfinali, il-Kardinal Giovanni Battista Re.

Aaron temm jgħid li bħala abbati ħassu kuntent ħafna, kemm li attenda għall-funeral kif ukoll li ta sehmu fih.   

Sport