Thursday, February 6, 2025

Qatt ma kont nimmaġina li kont se nasal s’hawn fl-atletika – Neville Dalli

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Jien min dejjem kont sportiv, nilgħab il-futbol, xi naqra gym u 5-a-side ma’ xi ħbieb. U kont inħobb immur ukoll xi ġirja, kultant. Imbagħad kien ġie żmien li minħabba ċirkostanzi tal-ħajja ma stajtx inkompli nittrenja ma’ tim u bdejt niġri u nittrenja waħdi.

X’suċċessi maġġuri rbaħt fil-karriera tiegħek sa issa?
Bħala suċċessi għamilt titjib kbir fil-ġiri u tgħallimt teknika ta’ sports differenti. Qatt ma kont nimmaġina li kont se nasal s’hawn! S’issa qatt ma rbaħt l-ewwel post. Hawn ħafna atleti tajbin u anke għadhom żgħar allura l-isfida hija ikbar. Peró, għalija s-suċċess ma jfissirx li tirbaħ trofew, imma iktar minn hekk! Għalija suċċess ifisser li kuljum jirnexxielek tqum kmieni filgħodu u tagħmel sessjoni ta’ taħriġ li tagħtik is-saħħa meħtieġa biex tkompli l-ġurnata u tara lilek innifsek titjieb bil-mod il-mod.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
F’Malta hawn atleti tajbin ħafna, li jagħmlu sagrifiċċji kbar biex jaslu fejn jaslu. Wieħed irid japprezza li dawn l-atleti apparti t-taħriġ ta’ kuljum, iridu jkomplu bil- ġurnata tax-xogħol, u bil-ħajja personali tagħhom. Diffikultajiet finanzjarji ma jgħinux biex atleta jasal fejn jixtieq. Imma minkejja dan kollu xorta jirnexxielhom jagħmlu ċertu ammont ta’ taħriġ u anke jiksbu ħinijiet tajbin.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrgu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom f’Malta? 

Aħna bħala sessjonijiet ta’ taħriġ, hemm ġranet fejn inkunu fil-premises tagħna, eżempju meta nagħmlu Hybrid jew OCR, u hemm drabi oħra fejn nittrenjaw f’postijiet differenti madwar Malta bħal Ta’ Qali, Riviera, Golden Bay eċċ. Dan nagħmluh minħabba li xi drabi nkunu qed niġru trail, ramel, baħar, tlajja u oħrajn … dejjem postijiet skont fuqhiex tkun se tikkonsisti is-sessjoni ta’ taħriġ partikolari.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika? 

Jien l-iktar ħaġa li nixtieq hi dik li nkun kapaci li dejjem insib bilanċ bejn l-ammont ta’ taħriġ li nagħmel u l-ħin ta’ rkupru (‘recovery’), għax issa li m’għadniex żgħir ċerti dettalji iktar irrid nagħti kashom. Li tkun iktar dixxiplinat fuq il-pjan tas-sessjonijiet tat-taħriġ u fuq kemm tiddedika ħin ta’ mistrieħ għalik, u wkoll li żżomm in-nutrizzjoni tajba huma kruċjali. Imbagħad nara li nkompli nsegwi l-istruzzjonijiet u t-taħriġ li jagħtina l-kowċ. Li nibqa’ miexi ‘l quddiem u dejjem inkun persuna aħjar. Xi ħaġa li nixtieq ukoll hija li jkolli l-opportunitá li nagħmel kompetizjonijiet barra minn Malta.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
L-iktar tliet affarijiet importanti huma d-dixxiplina, il-konsistenza u l-paċenzja. It-titjib ma jiġix malajr imma biż-żmien, b’ħafna tbatija u bil-mod. L-importanti li dak li jkun ma jaqta’ qalbu qatt u jibqa jipprova jimxi ‘l quddiem b’passi żgħar. It-triq daqqa se tkun għan-niżla, xi drabi wita u xi drabi għat-telgħa, peró, li huwa żgur hu li se tkun sabiħa u ta’ sodisfazzjon!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport