Minn Cristian Muscat
Kif għażilt l-atletika fost minjiera ta’ sports ieħor?
Jien minn mindu kont żgħir dejjem kelli piż żejjed iżda fl-istess ħin dejjem kont inħobb l-isport. L-atletika minn mindu kont żgħir kienet taffaxxinani, għax dejjem kont nistgħageb kif l-atleti jiġru tul ta’ ħin u ma jgħejjewx. Iżda qatt ma pprattikajtha meta kont żgħir. Kont nagħmel sport ieħor bħall-futbol, basketball u gym iżda xejn bis-serjetá. Wara għamilt snin ma nagħmel xejn u wara li twieldet it-tifla kont qbiżt il-115-il kilo bħala piż. Hemmhekk iddeċidejt li nagħmel xi ħaġa u bdejt immur il-gym u kont noħroġ nimxi u nagħmel jog ħafifa ‘l hemm u ‘l hawn. Malli bdejt nara il-piż nieżel indunajt li dan kien metodu tajjeb biex nitlef il-piż u minn hemm bdejt inżid id-distanzi. Jiġifieri primarjament kont għażilt il-ġiri bħala metodu biex nitlef il-piż iżda malajt indunajt li dan l-isport beda jagħtini s-serħan tal-moħħ!
Ta’ kemm bdejt tipprattikka l-atletika?
Bdejt nipprattika l-atletika ta’ 35 sena. Għamilt sentejn niġri waħdi u ma kontx qed nara progress sostanzjali, speċjalment fl-‘endurance’ tiegħi.
X’ħeġġek l-iktar biex tibda tipprattika dan l-isport?
Primarjament kienet raguni biex nitlef il-piż, iżda malajr indunajt kemm l-atletika tista’ tgħinek mentalment. Bdejt inħossni aħjar mhux fiżikament biss iżda s-saħħa mentali tiegħi bdiet tmur ‘il quddiem speċjalment fejn jidħol nuqqas fl-ansjetá u stress tal-ħajja li qed ngħixu fih aħna lkoll.
Min kien dak il-persuna li ispirak biex tagħżel l-atletika?
Bħala ispirazzjoni minn persuna diretta ma kienx hemm. Biss illum ilni nittrenja bis-serjetá għal dawn l-aħħar sentejn, inħares lejn nies li kienu fl-istess sitwazzjoni tiegħi u għamlu progress kbir fil-kisbiet personali tagħhom. Fattur ieħor li jgħinni ħafna nibqa’ nipprattika dan l-isport huwa ċ-ċirku ta’ nies li magħhom niġri regolari – il-kuraġġ li nagħmlu b’xulxin huwa xi ħaġa ta’ min jgħożżha u jieħu ħsiebha!
Liema unuri prinċipali irnexxielek tikseb fil-karriera tiegħek?
Unuri prinċipali qatt ma rbaħt iżda nixtieq li xi darba nirbaħ imqar tazza avolja huwa ftit diffiċli għax fil-grupp tal-etá tiegħi għandi ħafna atleti tajbin … min jaf forsi meta nagħlaq 50 sena, ikun imissni xi ħaġa!
Liema kien l-aħjar riżultat tiegħek sa issa?
Ilni erba’ snin nittrenja ma’ Evolve Endurance Club. Kienet esperjenza ‘roller coaster’ minħabba xi injuries iżda dawn l-aħħar sentejn kienet ‘steady’ u kont ‘committed’ ħafna. Il-kowċ tagħna Has Kesra jipprovdilna programm ibbażat fuq riċerka u nista’ nassigurak li jaħdem. Has huwa pilastru fil-progress tagħna lkoll. L-aħjar riżultati tiegħi ksibthom kollha matul dan l-istaġun, fejn irnexxieli ntejjeb il-ħinijiet tad-distanzi prinċipali kollha – 5k 19:17, 10k 40:40 u Nofs Maratona 1:29:19.
Il-media tal-isport tagħtikom biżżejjed pubbliċità u exposure, jew dan isir waqt kompetizzjonijiet importanti bħal mhuma l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar?
Sfortunatament, ma naħsibx li l-atletika għandha biżżejjed exposure mill-media lokali. Mhux qed nirreferi għal-livell tiegħi biss iżda anke fuq livell għoli. Sport ieħor għandu ħafna iżjed exposure, reklamar u ffinanzjar. Din hija sfortuna kbira. Lokalment, għandna atleti ta’ livell għoli ħafna u wkoll ghandna atleti emerġenti li għandhom potenzjal fenomenali kemm lokalment u anke fix-xena internazzjonli … ġieli kellna atleti li rebħu anke nofs maratoni u 10ks barra minn Malta u l-medja ftit tathom exposure … hija ħasra hux!
Xi ħaġa li turtani ħafna hija n-nuqqas ta’ rispett li tara fit-toroq tagħna minn xufiera irresponsabbli, speċjalment waqt xi tellieqa. Illum il-media soċjali tintuża mill-maġġoranza tan-nies u avviżi ċari jkunu hemm, allura għalfejn għandna ingergru għal ftit ħin li triq tkun magħluqa?!
Għandek xi ħolma li tixtieq tikseb fl-atletika?
Ħolma realistika li nixtieq nikseb hija dik li jirnexxieli niġri d-distanza tal-full marathon 42.2km. Il-pjan hu li nipprova nagħmilha f’Rotterdam, l-Olanda, is-sena d-dieħla.
X’sagrifiċċji / commitments jitlob l-isport li int tipprattikka?
L-atletika tinvolvi diversi sagrifiċċji. Bħalissa, niġri ħames darbiet fil-ġimgħa, naħdem full-time u għandi familja bi tliet itfal jiġifieri time management huwa essenzjali għalija.
Niġri kważi dejjem filgħodu kmieni ħafna, fejn ħafna drabi nqum bejn 4.30 – 4.45am – skont x’tul ta’ sessjoni ta’ taħriġ ikollna. Ġieli qomt qabel ukoll. Sagrifiċċju ieħor huwa li t-taħriġ isir kollu barra, jiġifieri l-elementi ħafna drabi jkunu ta’ sfida – xita, riħ u sħana.
Impenn (commitment) – mingħajru ma tipprogressax. Rajt qabża kbira fir-riżultati minn meta kont niġri erba’ darbiet fil-ġimgħa għal ħames darbiet fil-ġimgħa, imma ovvjament żdied il-ħin, distanza u l-impenn tiegħi lejn it-taħriġ.
Għalkemm l-atleti li tikkompeti magħhom huma wkoll ħbieb tiegħek, ninsab persważ li jidħol ukoll ċertu sens ta’ kompetizzjoni fejn wieħed ikun irid jikseb ħin aħjar mill-ieħor. Il-kummenti tiegħek.
Ħa nkun onest 100% … ma’ sħabi minix kompetittiv għax minix karattru li nikkompeti ma’ sħabi. Biss imbagħad, element ta’ kompetizzjoni miegħi nnifsi għandi ħafna għax dejjem nipprova ntejjeb il-ħin tiegħi specjalment fi tlielaq li jkunu tajbin għall-ħin.
X’kompetizzjonijiet prinċipali se tieħu sehem fihom fil-futur qrib?
Tista’ tgħid li l-istaġun tal-ġiri kważi spiċċa u allura minix nippjana affarijiet kbar. Għadni kif ġrejt ġewwa Berlin fil-Ġermanja fejn xtaqt intejjeb il-ħin tiegħi tan-Nofs Maratona, iżda sfortunatament ma rnexxilix nagħmel dan għaliex il-kundizzjonijiet tat-temperatura ma kinux favorevoli. Biss kienet esperjenza fenomenali u din żgur li mhux se tkun l-aħħar darba!
Għaddi messaġġ finali lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qegħdin jaħsbuha bis-serjetà li jibdew jipprattikaw l-atletika.
L-atletika għenitni ħafna biex intejjeb lili nnifsi kemm fizikament kif ukoll mentalment. Laqqgħetni ma’ gruppi ta’ nies sbieħ u onesti li l-frott tagħha ma kienx biss wieħed sportiv iżda anke soċjali. Kulħadd kapaċi jiġri … kulma trid hu li tipprova, ma taqtax qalbek u tikkommetti ruħek. Parir utli huwa li tingħaqad ma’ klabb taħt gwida ta’ kowċ professjonali, għaliex b’hekk it-taħriġ ikun jagħmel ħafna iżjed sens. Qatt ma naf li ħriġt ġirja u dħalt agħar milli kont!