Saturday, October 26, 2024

Qattiel u stupratur magħruf bħala l-“Facebook rapist” jitlob qorti tagħtih is-sentenza tal-mewt 

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Bi kwotazzjonijiet mil-liġi li fil-verità m’għandhomx fis-seħħ, il-“Facebook rapist” Thabo Bester, talab qorti biex tagħtih is-sentenza tal-mewt permezz ta’ petizzjoni ffirmata mill-pubbliku. Dan wara li Bester, misjub ħati bi stupru u qtil, wasal f’estremità biex jaħrab minn ħabs permezz ta’ kadavru.

Il-każ tiegħu jmur lura s-snin. Fl-2012 huwa ngħata sentenza ta’ għomor il-ħabs għal stupru, qtil, kif ukoll serq. Hawn il-qorti li deher quddiemha semgħet kif kien jitfa’ lill-vittmi tiegħu f’lixka billi kien jgħidilhom li huwa aġent tal-mudelli.

10 snin wara, eżattament f’Mejju tal-2022, l-għarusa tiegħu Dott. Nandipha Maudumana, għenitu jaħrab minn ħabs fl-Afrika t’Isfel b’tattika moqżieża li fiha wżaw kadavru maħruq. F’April tas-sena ta’ wara, din il-koppja ġiet arrestata. Huma kienu qegħdin jinħbew fit-Tanzania.

Anke fil-ħabs kompla bl-attivitajiet kriminali…

Minn dokumenti mid-Dipartiment għas-Servizzi Korrettivi rriżulta wkoll li Bester kien wieħed mill-imħuħ u l-organizzaturi ta’ grupp kriminali f’ħabs f’Mangaung. Skont il-midja lokali, dan id-dokument wera li l-grupp kriminali jbigħ drogi, mowbajls, iffaċilitar ta’ sess bejn il-priġunieri, ħasil ta’ flus u anke prostituzzjoni.

Issa, fl-aħħar seduta tiegħu Bester talab lill-Qorti Għolja tal-Istat Ħieles biex tagħtih is-sentenza tal-mewt. Huwa għamel din it-talba fl-istess ħin li waqqaf is-servizz mill-avukati tiegħu minħabba “esaġerazzjoni fil-ħlas mitlub”.

Huwa rrapportat li Bester qal lill-imħallef Cagney Musi li ma kienx kuntent bil-mod li bih kien qiegħed jiġi trattat. Ilmenta li kien eskortat minn 80 karozza biex jidher il-qorti, kif ukoll li qajmuh fis-2.00 ta’ filgħodu u rabtuh bil-ktajjen.

Fil-qorti dan il-kriminal sostna li mhuwiex jingħata ġuri ġust minħabba li huwa ħabib ta’ nies importanti fl-Afrika t’Isfel fosthom il-President Jacob Zuma. Huwa rrapportat li qal ukoll lill-qorti li ma kienx kuntent bl-avukati li kienu qegħdin jiddefenduh fil-ġuri. Kien f’dan il-mument li l-priġunier ikkwota liġi skaduta u talab li jingħata s-sentenza għall-mewt permezz ta’ petizzjoni mill-pubbliku. 

Bester temm jgħid li, “jekk jirriżulta li din il-qorti tista’ taċċetta l-petizzjoni u l-pubbliku jkun jista’ jiffirmaha, inkunu nistgħu nagħlqu dan il-kapitlu darba għal dejjem. Inħossni fil-paċi. Naf x’għamilt u naf x’ma għamiltx”. 

Il-każ tiegħu ġie pospost għall-24 ta’ Lulju fejn f’dan il-perjodu Bester għandu sebat ijiem ċans biex isib avukat ġdid. 

Sport