Wednesday, April 24, 2024

QAWMIEN KULTURALI MILL-VCA

Aqra wkoll

It-twaqqif tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA) kien pass għaqli għall-promozzjoni tal-kultura Maltija. Dan kollu huwa rifless fl-attivitajiet li ttella’ minn żmien għall-ieħor. Bis-saħħa ta’ din l-aġenzija rġajna rajna qawmien kulturali li mhux biss niżel tajjeb mal-Maltin imma saħansitra wkoll mat-turisti li jżuruna.

Is-suċċessi tal-Aġenzija ma jidhrux biss fl-attivitajiet li tagħmel imma fil-kwalità fosthom is-Cinema City li se jirritorna fil-Belt Valletta f’Ġunju li ġej bħala l-avveniment annwali ta’ wiri tal-films fil-miftuħ. Din id-darba l-film Blood on the Crown, se jikkommemora l-irvellijiet tas-Sette Giugno 1919.

Huwa mistenni li dan l-avveniment ikollu suċċess billi se jiġbed lejh atturi ta’ Hollywood kif ukoll atturi rinomati Maltin li se jkunu ta’ vetrina għat-talent lokali. Dan l-avveniment jibni fuq l-impenn ta’ dan il-Gvern li niċċelebraw il-kultura fil-ġeneri diversi tagħhom u jibqa’ jingħata sostenn lill-artisti u f’dan il-każ lill-industrija tal-films f’pajjiżna.

Kollox jidher li dan l-impenn se jkompli jkabbar l-attivitajiet kulturali mhux biss fil-Kapitali ta’ pajjiżna imma f’diversi postijiet oħra. L-edizzjoni ta’ din is-sena se tinkludi temi varji li ġew magħżula minn voluntiera fejn intalbu jaraw numru ta’ films li jaqgħu taħt ġeneri differenti u li minnhom ġew magħżula li se jintwerew matul is-Cinema City.

Għalhekk nistennew li l-pubbliku Malti li jħobb il-films u l-istorja ta’ pajjiżna jattendi bi ħġaru partikolarment għall-film Blood on the Crown li se terġa’ tagħti ħajja lill-irvellijiet tas-Sette Giugno, li wasslu għall-Kostituzzjoni ġdida li tat lil Malta l-ewwel gvern responsabbli sentejn wara fl-1921.

Id-dħul għal dawn il-films se jkunu bla ħlas għal kulħadd. F’dan il-kuntest filwaqt li aħna napprezzaw l-isforzi kollha tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta nittamaw li din twessa’ l-attivitajiet tagħha anke għat-tfal tal-iskola sabiex minn età żgħira jitrawmu japprezzaw u jħobbu dak kollu li għadda minnu pajjiżna matul is-snin, kemm ġrajjiet sbieħ u anke dawk ta’ qsim il-qalb.

Nittamaw ukoll li dawn l-avvenimenti se jkunu ta’ kalibru kif kien il-“Ġnien tal-Ħolm” li ġibed lejh viżitaturi mhux biss minn pajjiżna imma anke minn dawk li kienu qed iqattgħu vaganza tagħhom f’Malta.

Sport