Thursday, June 25, 2026

‘Qed inqis l-istaġun li ġej biex dejjem inkompli nikber, b’ħidma bla waqfien biex dejjem inkun hemm għat-tim u nagħti l-aħjar tiegħi fil-pitch’ – Karl Sargent

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Gżira United FC ħabbru li l-goalkeeper Karl Sargent iffirma kuntratt ġdid ta’ tliet snin mal-klabb, li jżommu mal-Maroons sa Ġunju 2029. Karl għandu 21 sena u bħalissa huwa goalkeeper internazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena.

Karl, żagħżugħ b’futur sabiħ quddiemu, wera impenn, professjonaliżmu u żvilupp tremend minn meta ngħaqad mal-klabb. It-tiġdid tiegħu jirrifletti t-twemmin tal-klabb fil-kwalitajiet tiegħu u l-impenn tal-Maroons li nibnu għall-futur.

Gzira United awguraw lil Karl suċċess kontinwu bil-flokk ta’ Gzira, u qali li qed jistennew bil-ħerqa li jarawh jikseb ħafna aktar tragwardi mal-klabb.

Intant, dan is-sit ħa xi kummenti ta’ Karl innifsu wara li ġedded il-kuntratt tiegħu mal-Maroons, kemm rigward kif qed iħares lejn l-istaġun tiegħu u anke lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħu, kif ukoll xi kummenti rigward l-istaġun li għadda għal Gzira United.

Fi kliemu:

“L-istagun li għadda kien wieħed pożittiv għat-tim kollu u għall-partitarji tagħna. Konna fit-Top 6 għall-ewwel darba fil-Kampjonat u anke wasalna sal-finali tal-FA Trophy. Għalija kienet sena fejn kbirt ħafna bħala goalkeeper għax kelli nies li għenuni u mbuttawni bis-sħiħ biex dejjem nibqa’ sejjer ‘il quddiem, u kelli nies li emmnu fija u urew ħafna fiduċja fija.”

“Qed inqis l-istaġun li ġej biex dejjem inkompli nikber, b’ħidma bla waqfien biex dejjem inkun hemm għat-tim u nagħti l-aħjar tiegħi fil-pitch. Bħala tim hemm ħafna fuq xiex nibnu mis-sena l-oħra u dan l-istaġun għandu jkun wieħed pożittiv għalina.”

“Il-futur tieghi fil-futbol narah li jista’ jkun wieħed sabiħ ħafna għalija jekk nibqa’ dejjem iffukat fuq l-objettivi tiegħi, dejjem nagħti kollox fil-pitch u nibqa’ nahdem biex nibqa’ nikber bħala goalkeeper.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport