Friday, February 28, 2025

“Qed isiru aktar żviluppi b’rabta mal-Villaġġ tal-Karnival” – Jason Busuttil – Direttur tal-Karnival ta’ Malta

Aqra wkoll

Ilwien minn kull tip. Disinji, kostumi żgħar, kbar, ileqqu, juru kull tip ta’ karattri li jdaħħluk f’epoka differenti, f’ħajjiet oħra, artisti, xjentisti. Meta, jekk mhux f’dan iż-żmien tal-Karnival? Jekk għal xi wħud forsi huwa żmien li ma tantx huwa mfittex, iżda għal ħafna żgur li huwa żmien li minn sena qabel kif apparti jgħaddi l-Karnival, ikunu jafu d-data ta’ meta jmiss Karnival ieħor, x’ser jilbsu u x’tema jistgħu joħolqu mal-ħbieb tagħhom, speċjalment jekk wieħed ikun involut f’xi għaqda marbuta mal-Karnival, u saħansitra jidħlu f’xi kompetizzjoni.

Hawn xi wħud fil-fatt jgħidulek li jgħixu għal dan iż-żmien li joffri tant briju, kuluri, atmosfera ta’ divertiment, irrelevanti x’inhi l-età, żmien fejn wieħed huwa aċċettat li jitbellah ftit u jaqta’ mir-rutina ta’ kuljum.

Għal dan il-karnival xtaqna nsiru nafu aktar dwar din l-esperjenza, u fil-fatt iltqajna ma’ Jason Busuttil, Direttur tal-Karnival ta’ Malta u qalilna li fil-villaġġ tal-Karnival, qed isiru aktar żviluppi “li issa ħareġ it-tender u ħa jiġi mogħti, bħalissa għaddejja l-evalwazzjoni tiegħu fejn qegħdin naraw li bejn wieħed u ieħor, jekk dejjem ma jkunx hemm appelli, jibda x-xogħol, jiġifieri l-ewwel tender kien għat-tħaffir u t-tindif tal-post, u jitwaqqa’ l-bini li hemm eżistenti, biex imbagħad bħalissa qed tinħadem it-tender ukoll tal-bini tiegħu, u jekk ma jkunx hemm appelli minn tenders oħrajn, fi żmien xahrejn ser jibda x-xogħol fuq dan il-hub li fih ser ikollu entitajiet oħra u mhux biss villaġġ tal-Karnival.” Għaldaqstant issa dan il-proġett jinsab fil-viċin ħafna u nħarġu l-permessi tal-MEPA, u ġew mogħtija xi fondi mill-Unjoni Ewropea wkoll.

Tkellimna wkoll dwar il-livell tal-Karnival f’pajjiżna u jekk dan laħaqx l-ogħla livelli, u wieġeb li “l-Karnival kiber b’tali mod li lanqas nistgħu nlaħħqu miegħu, jiġifieri issa, nenfasizza fuq il-kelma kwalità, għax illum il-ġurnata m’għadniex naraw karrijiet sempliċi, jiġifieri fejn sempliċiment nivvintaw storja ta’ xi tfal jew ta’ xi buffi u nagħmluhom fuq il-karrijiet. Illum sirna nimitaw u nagħmlu personaġġi li huma kemm ħajjin u anke mejtin.” Huwa kompla jispjega li fil-fatt din is-sena ser naraw nukleu kbir ta’ artisti fuq il-karrijiet, karattri bħal Berlusconi, Buffon u bla dubju anke karattri Maltin li dawn jinżlu għasel ma’ ħafna nies bħal Joseph Armani, għax issa “tajnieh xejra differenti u qed naraw li anke bħala suġġetti qed nimmaturaw, anke fejn jidħol mekkaniżmu u d-dawl li sirna naraw fil-karrijiet, u ovvjament dawn qed naraw li qed iħabbtuha ma’ ta’ barra.”

Dan għaliex anke kumpaniji barranin qed jgħidu dwar il-livell tagħna l-Maltin fejn jidħol il-karnival, kif “tlajna skaluna oħra, u dan ifisser xi ħaġa għax turi li l-artisti tagħna tgħallmu u huma bravi wkoll daqs ħaddieħor, u trid tqis ukoll li dawn huma kollha volontiera, jiġifieri għandna artisti bravi li qed joħolqu, insemmi l-wirja li marret tajjeb ħafna li għandna fi spazju kreattiv; fejn hemm anke rjus li ntużaw fil-Karnival fis-snin l-imgħoddija, u llum il-ġurnata għalkemm għandna kwantità, issa qed inqarrbu anke lejn il-kwalità wkoll.”

Biex jiġi organizzat il-karnival bla dubju jinvolvi ħafna impenn u preparamenti, u għalhekk tajjeb li jinħareġ programm li juri l-attivitajiet kollha li ser ikun hemm matul il-jiem tal-Karnival, li dan “jibda b’mod uffiċjali mill-Ħadd ta’ qabel fil-Ħamrun, fejn kien maħnuq bin-nies, u li fih kien hemm sett maskaruni u ħames karrijiet, jiġifieri kien hemm street parade vera tajba fil-Ħamrun.” Iżda wieħed żgur li jkun qed jistenna bi ħġaru r-Re tal-Karnival li ser narawh il-Ġimgħa fil-Belt Kapitali, Valletta, magħmul mill-kumpanija li ilha tletin sena tagħmel ir-Re tal-Karnival; li kif żvela magħna Jason huwa Paul Curmi, magħruf bħala l-Pampalun, li huwa żgur sinonimu mal-Karnival, tista’ tgħid ir-Re Malti nnifsu fejn jidħol il-Karnival.

Ser jiġi wkoll organizzat il-ballu li ilu jiġi organizzat għal diversi snin, “għalhekk din is-sena r-Re għandu daqsxejn storja ta’ anniversarju, għax ser ikollna kemm lill-Pampalun u anke Charlie, li kien miet b’aċċident; tnejn min-nies li ħadmu ħafna għall-Karnival, u għalkemm dawn huma nies li m’għadhomx magħna, imma rreplikajniehom fuq il-karrijiet, jiġifieri x-xebh tagħhom, u l-immudellatura tagħhom huwa perfett, tant li meta tellajna ras il-Pampalun kulħadd qal x’biċċa xogħol din.” Dan juri kemm l-artisti li huma involuti fil-Karnival, saru jagħmlu xebh inkredibbli fejn jidħlu karattri.

Wieħed forsi jkun qed jistenna wkoll iż-żfin, fejn gruppi kbar f’sinkronija waħda jwasslu tema b’kostumi tant sbieħ, li jikkonferma Jason “il-livell kiber ħafna, fil-fatt bgħattilhom messaġġ u għedt li lanqas irrid inkun xagħra fil-ġisem tal-ġurija li ser jassessjaw liż-żeffiena din is-sena, għax litteralment iż-żfin u l-kostumi li ser naraw din is-sena huma inkredibbli għax il-livell tela’ ħafna.” Dan grazzi wkoll għall-investiment minn Festivals Malta li jibagħtu wkoll inġiniera biex jiċċekkjaw il-karrijiet, tgħallmu wkoll il-Health and Safety.

Fil-proġett li ssemma qabel, dak tal-villaġġ, issa ser ikunu jistgħu jinħadmu wkoll il-kostumi, il-maskaruni u l-garaxxijiet fejn jinħadmu l-karrijiet ser ikunu ndaqs għal kulħadd allura wieħed jista’ jimmaġina kemm kulħadd ser ikollu aktar opportunità li jkun kreattiv, “għax ser ikun hemm dak kollu li għandu bżonn il-Karnival Malti.”

Għalhekk inħeġġu lil kulħadd sabiex jikkonkorri bi ħġaru u jara dak kollu li ilu jiġi ppreparat għal dawn l-aħħar xhur għax il-Karnival huwa “mimli b’attivitajiet, u nħeġġeġ li kull min dieħel bit-tfal biex ilibbishom ċappetta b’numru tat-telefown biex hekk f’każ li jintilfu jkun aktar faċli li jiġu identifikati, għax jidher li ser ikun hemm influss kbir ta’ nies!”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport