Fil-winding up tad-diskussjoni parlamentari b’rabta mar-rapport annwali dwar l-iżvilupp sostenibbli għas-sena 2022, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli qalet li l-Gvern qed jaħdem biex il-prinċipji ta’ sostenibilità jkunu integrati fil-ħajja ta’ kuljum.
“Biex il-liġijiet u l-inizjattivi favur żvilupp sostenibbli jkunu effettivi jeħtieġ bidla fil-mentalità u l-istil ta’ ħajja kif ukoll il-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini kollha,” qalet il-Ministru Dalli fid-diskors tagħha.
Hija tenniet li l-iżvilupp sostenibbli huwa kunċett wiesa’ li jaffettwa s-setturi u l-attivitajiet kollha kemm tal-Gvern kif ukoll ta’ kull min hu involut f’dan is-settur.
Filwaqt li spjegat kif id-dimensjonijiet tas-sostenibbiltà huma ħafna u li jkopru aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali, il-Ministru Dalli qalet li biex naddottaw politika effettiva, irridu nħarsu ‘l quddiem u naddottaw deċiżjonijiet u miżuri li jinvestu f’uliedna u l-ġenerazzjonijiet futuri.
“Il-konsistenza u l-koerenza bejn setturi differenti bħall-iżvilupp ekonomiku u l-kummerċ, l-Affarijiet Barranin u s-Sigurtà Nazzjonali, l-ambjent, il-bidla fil-klima u l-enerġija, ir-riżorsi naturali, l-agrikoltura u s-sajd, l-edukazzjoni u l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-kura tas-saħħa huma għalhekk essenzjali sabiex niksbu żvilupp sostenibbli.”
F’dan ir-rigward, żiedet tgħid li l-Istrateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli għall-2050 hi pjan orizzontali u ħolistiku fit-tul. Però sabiex ikun assigurat li jkollna miżuri konkreti fl-immedjat se jkunu qed jitfassal Pjan ta’ Azzjoni għall-2030.
Fissret din l-istrateġija bħala waħda ambizzjuza però li tista’ tagħti r-riżultati. Hawn qalet li l-ebda strateġija ma’ tkun suċċess jekk ma’ jkollhiex l-ownership tas-settur privat, tal-għaqdiet mhux governattivi, tas-soċjetà ċivil, tal-korpi kostitwiti; f’kelma waħda ta’ kull wieħed u waħda minna.
Hija temmet tisħaq fuq l-importanza li lkoll naħdmu id f’id sabiex nersqu aktar lejn żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli sabiex mhux biss inkunu nistgħu nkomplu fejn ħallejna iżda wkoll inkunu preparati sew għall-isfidi tal-futur.