Friday, April 26, 2024

“Qed ninvestu fil-pensjonijiet €111-il miljun aktar milli għamlet l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista”

In-nefqa tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għall-ewwel tlett xhur tas-sena laħqet it-€322 miljun

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon fakkar is-66 anniversarju mit-twaqqif tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, liema Dipartiment qal li dejjem għamel dak li seta’ biex itejjeb il-ġustizzja soċjali u iktar minn hekk kien ta’ wens għal dawk l-iktar fil-bżonn.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet ingħatat ħarsa lejn il-kisbiet matul l-aħħar snin u ż-żieda bla preċedent f’miżuri soċjali li komplew jagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies.

Il-Ministru Falzon qal li l-amministrazzjonijiet Laburisti li dejjem emmnu fil-qasam soċjali, filwaqt li amministrazzjonijiet Nazzjonalisti, li minkejja li kienu jemmnu fil-ġustizzja soċjali, qal li ma tantx kienu juru ħeġġa partikolari biex jgħinu.

F’dan ir-rigward, il-Ministru semma’ l-fatt li taħt amministrazzjonijiet Laburista l-pensjonijiet dejjem żdiedu kull sena, filwaqt li fi 22 sena ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista l-politika ta’ dak il-gvern kienet li l-pensjonanti ma jingħataw xejn.

Il-Ministru semma l-fatt li din il-ġimgħa d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali rebaħ premju internazzjonali fejn ġie a skrutinju għall-ħidma tiegħu matul il-pandemija. Qal li dan kollu għax ħadem ħafna fejn minkejja kollox tul dawn l-aħħar sentejn, wera kemm aħna reżiljenti.

Il-Ministru tkellem ukoll dwar l-istatistika li ħarġet ilbieraħ, statistika uffiċjali fejn wieħed jista’ jara ż-żieda kbira fl-infiq li l-amministrazzjoni Laburista għamlet tul dawn l-aħħar tmien snin. Qal li meta wieħed jitkellem fuq in-nefqa ta’ dan id-Dipartiment għall-ewwel tlett xhur tas-sena, in-nefqa totali laħqet it-€322 miljun. Qal li meta wieħed iħares lura lejn in-nefqa fl-2014, jirriżulta li hemm żieda ta’ €115-il miljun. Il-Ministru qal li jkollok din iż-żieda effettivament turi differenza kbira li għalihom il-ġustizzja u r-ruħ soċjali tiġi verament l-ewwel.

Il-Ministru qal li bla dubju l-akbar nefqa kienet f’dawk li huma pensjonijiet, fejn mis-somma ta’ €271 miljun, fil-verità €249 miljun marru għal dawk li huma pensjonijiet. Meta wieħed iqabbel in-nefqa tal-lum fuq il-pensjonijiet mal-istatistika li ħarġet fl-2014, li allura tkun ibbażata fuq is-sena ta’ qabel, hawnhekk naraw żieda ta’ €111-il miljun. Qal li din is-sena dan il-pajjiż se jkun qed jinvesti fil-pensjonijiet €111-il miljun aktar milli għamlet l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista fl-aħħar sena tagħha. Huwa fakkar li din is-sena l-pensjonanti qed jingħataw is-seba’ żieda konsekuttiva fil-pensjoni tagħha.  

Il-Ministru tkellem fuq benefiċċji mhux kontributorji u qal li hawnhekk naraw ukoll li għalkemm raw żieda f’ċertu allowances, tara li minkejja l-investiment akbar fil-qasam soċjali li qed jagħmel il-Gvern Laburista, il-persuni li jiddependu fuq benefiċċji soċjali naqsu bin-nofs. 

Sport