Monday, November 25, 2024

“Qegħdin nagħmlu ħafna ġid… Qegħdin insalvaw in-nies”

L-FSWS b’servizz ħolistiku u investimenti kbar… Dak finanzjarju tela’ għal aktar minn tliet miljun ewro u r-riżorsi umani ttripplaw

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Bħala Kap Eżekuttiv tal-FSWS għandi bżonn ngħid li bħala riżorsi għamilna passi ta’ ġgant. Fl-2012 l-ispiża tagħna fuq is-servizzi kollha relatati mal-vjolenza domestika kienet ta’ €495,535 mentri din is-sena se nkunu qegħdin nonfqu €3,282,100. Dan apparti l-€893,885 li wżajna biex nixtru servizzi mill-NGOs bħala mezz tal-imsieħba soċjali tagħna”.

Ta dawn id-dettalji l-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti fil-konferenza li għaddejja bħalissa ddedikata għal 30 sena ta’ ħidma u għajnuna lill-vittmi ta’ vjolenza domestika. Grixti saħaq li l-investiment finanzjarju waħdu juri kemm huma kommessi f’dan il-qasam iżda miegħu aċċenna wkoll għall-investiment pożittiv fir-risorżi umani fejn fl-2012 l-FSWS kellhom 22 persuna jaħdmu fuq każijiet ta’ vjolenza domestika mentri llum il-ġurnata dan in-numru tela’ għal 66 ħaddiema, it-tripplu.

“Nemmen li s-saħħa tagħna hija l-fatt li għandna servizz u approċċ ħolistiku fejn tidħol il-vjolenza domestika li jinkludu fost l-oħrajn ix-xelters, xogħol mal-agressuri, kif ukoll bejn tfal u ġenituri”. Barra minnhekk Grixti tkellem dwar servizz ġdid f’Għawdex fejn minn ħames snin ilu l-affarijiet inbidlu fejn tidħol il-vjolenza domestika.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS enfasizza li kull femiċidju “iweġgħana imma, hemm bżonn naraw l-affarijiet minn lat pożittiv ukoll”. Dan b’referenza għall-fatt li skont id-dipartiment tar-riċerka tagħhom, f’dawn l-aħħar 12-il sena kien hemm total ta’ 5,468 persuni li wżaw is-servizzi tagħhom għall-ewwel darba fejn tidħol il-vjolenza domestika. “In-nies mhumiex numru imma qiegħed insemmihom biex nuri li qegħdin nagħmlu ħafna ġid. Qegħdin insalvaw in-nies… Nistgħu nagħmlu iżjed? Għandna bżonn aktar riżorsi. Ovvja li iva. Aħna nemmnu f’titjib kontinwu u m’aħniex se nieqfu hawn,” wiegħed Grixti.

Filwaqt li rringrazzja lil dawk il-vittmi ta’ vjolenza domestika li rnexxielhom joħorġu rebbieħa minn dan l-abbuż u li f’din il-konferenza qegħdin jaqsmu dak li għaddew minnu, Grixti rringrazzja lill-pijunieri u professjonisti tal-FSWS li ħadmu f’dawn l-aħħar 30 sena. Preżenti fil-konferenza kien hemm żewġ eks diretturi tal-FSWS u dwarhom il-Kap Eżekuttiv preżenti qal li kieku ma kinitx il-ħidma ta’ dawn in-nies, “kieku illum m’aħniex hawn. Ħadmu fuq din il-kwistjoni u għenu lill-vittmi meta ma kinitx popolari li jagħmlu dan, fi żmien meta l-vjolenza domestika kienet tabù. Għalhekk, naħseb li verament għandna nirringrazzjawhom”.

Rigward każijiet ta’ vjolenza domestika Grixti qajjem għarfien li llum il-ġurata għandna realtà fejn din il-pjaga hija realtà anke fost persuni li għandhom ‘il fuq minn 60 sena. “Din hija sfida oħra li wkoll irridu niġġieldu kontriha,” temm il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti.

Aqra wkoll 30 sena ta’ għajnuna lill-vittmi tal-vjolenza domestika

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport