Investigazzjonijiet mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga wasslu sabiex raġel ta’ 46 sena, residenti l-Belt Valletta ġie arrestat b’rabta ma’ sejba ta’ droga kokaina.
Il-Pulizija waqqfu lir-raġel fi Triq Victor Denaro, l-Imsida, li malli nduna bil-preżenza tagħhom prova jaħrab u rema pakkett suspettuż. Minn analiżi preliminari, il-pakkett instab li kien fih diversi kapsoli b’sustanza suspettata droga kokaina li tammonta għal madwar 700 gramma.
Fuq ir-raġel instabu €13,000 fi flus kontanti u minn aktar tfittxijiet fir-residenza tiegħu nstabu €14,000 oħra.
Il-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit ġiet infurmata bis-sejba u ħatret inkjesta.
Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Furjana u mistenni jitressaq il-Qorti aktar tard illum għall-11.30a.m akkużat b’pussess aggravat ta’ droga u ħasil ta’ flus, fost oħrajn.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.