Monday, May 13, 2024

Raġel bi problema tad-droga mixli b’diversi serqiet

Il-Qorti tgħid li l-imputat ħela ħajtu

Aqra wkoll

Raġel ta’ 59 sena mill-Belt Valletta, li għandu problema tad-droga, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti fejn ġie mixli b’serq u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Charles Cutajar kien mixli li nhar it-2 ta’ Mejju 2022, għall-ħabta tas-2.10 a.m., seraq flus kontanti u laptop minn ġewwa spiżerija f’Ta’ Xbiex. Huwa kien mixli wkoll li fis-26 ta’ Novembru li għadda minn ġewwa residenza f’Ħaż-Żebbuġ seraq għodod, li jammontaw għal aktar minn €2,329.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. Id-Difiża infurmat lill-Qorti li l-imputat ilu minn Novembru rikoverat fl-Isptar Monte Carmeli għaliex “għaraf li għandu problema.”

Żiedet tgħid li kienet f’kuntatt mal-persuna li kienet qiegħda ssegwih, u kienet infurmata li hemm data prospettiva biex fl-aħħar ta’ Jannar jidħol fi programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga.

Il-Maġistrat Joseph Mifsud, li quddiemu tressaq l-imputat, innota kif il-fedina penali tiegħu hi waħda “inkwetanti”. “Se tagħlaq 60 sena, ħlejt ħajtek kollha,” qallu l-Maġistrat Mifsud, filwaqt li semma kif hemm għaqdiet bħal Caritas, OASI u anke Sedqa li jistgħu jgħinu nies bħalu li jkunu għaddejjin minn problemi simili.
F’dan l-istadju, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant l-imputat inżamm taħt arrest preventiv.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jonathan Ransley u Roderick Agius.

L-Avukat Daniel Attard deher għall-imputat.

Sport