Raġel ta’ 89 sena li ilu miżżewwġ lil martu għal dawn l-aħħar 65 sena ħarab b’martu minn dar tal-anzjani biex ikunu “jistgħu jgħixu l-aħħar ftit ta’ ħajjithom flimkien”.
Colin ta’ 89 sena u Claudette ta’ 83 sena ħarbu mid-dar tal-anzjani li tinsab fil-belt ta’ Maryborough f’Melbourne fl-Awstralja.
Il-koppja ddaħlu fid-dar tal-anzjani bħal-lum ġimgħa fuq insistenza tat-tifla, wara li ma kienux għadhom kapaċi jgħixu weħdihom. Il-mara għandha dementia qawwija u kien ta’ periklu li tibqa’ tgħix f’darha.
It-tifla tgħid li missierha qabad lil ommha li qiegħda f’siġġu tar-roti u telaq biha ‘l barra mid-dar tal-anzjani u ħadd ma nduna. Colin kien diġà pprova jaħrab b’martu qabel, iżda ġie miżmum mill-istaff.
Binthom tgħid li hu saq il-karozza li kellu pparkjata quddiem id-dar tal-anzjani u ħarbu. Tgħid li hu batilha messaġġ u qallha “grazzi tal-għajnuna kollha tiegħek… se nagħmel dak kollu posibbli biex nieħu ħsieb lil ommok jien.”
Minn dak il-ħin ħadd ma jaf aktar x’sar minnhom u issa ilhom neqsin aktar minn 32 siegħa. Il-Pulizija Awstraljana għaddejja bit-tfittxija għalihom.




