Beyene Fessahatsion Weldeabzghil, Eritrean ta’ 33 sena ġie kkundannat 9 snin ħabs wara li ammetta li pprova jistupra tfajla waqt li kienet miexja għax-xogħol fil-Furjana.
Kien fi Frar li għadda meta l-Pulizija kienet irċiviet informazzjoni dwar persuna li x’aktarx kienet qed tiġi stuprata viċin Floriana Gardens.
Meta l-vittma ġiet mitkellma mill-pulizija hija qalet li waqt li kienet mixja għax-xogħol, l-akkużat qabeż fuqha, neżżagħha u pprova jkollu x’jaqsam magħha sesswalment.
Kien hawn li l-vittma bdiet tgħajat u anke rnexxilha tirreżisti l-istupru. Il-Pulizija laħqu waslu fuq il-post fejn arrestat lir-raġel fejn anke kien tressaq il-Qorti ftit sigħat wara.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti wara li semgħet l-ammissjoni tar-raġel ikkundannatu 7 snin ħabs b’rabta mal-attentat stupru u sentejn oħra għax kien wettaq dan ir-reat meta kellu sentenza sospiża b’rabta ma’ każ ieħor.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur John Sammut flimkien mal-Avukati Jurgen Dalli u Jennifer Polidano f’isem l-Avukat Ġenerali waqt li għall-akkużat dehret l-Avukat Alexia Vassallo.