Raġel ta’ 40 sena miż-Żimbabwe ġie kkundannat ħames xhur ħabs u mmultat €400 wara li ammetta li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, billi naqas milli jiffirma l-għassa għal sitt xhur.
Privilege Mupimhidzi tressaq il-Qorti wara li ġie arrestat nhar it-Tnejn.
Mupimhidzi kien tressaq il-Qorti għall-ewwel darba f’Settembru 2025 fuq akkużi relatati mad-droga, qabel ma ngħata l-ħelsien mill-arrest fil-31 ta’ Ottubru 2025.
Fost il-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti kien hemm li joqgħod f’indirizz speċifiku f’Birkirkara, jiffirma l-għassa kuljum u josserva ħinijiet stabbiliti li fihom kellu jibqa’ d-dar. Madankollu, l-Ispettur Alfredo Mangion, li mexxa l-prosekuzzjoni, qal li l-akkużat waqaf jiffirma l-għassa, bl-aħħar firma tiegħu tmur lura għal Mejju.
Uffiċjali tal-Pulizija marru fir-residenza tiegħu fejn ħadd ma wieġeb il-bieb. Barra minn hekk, huma ppruvaw ukoll jikkuntattjawh fuq il-mowbajl, iżda ma rnexxilhomx.
Il-Qorti semgħet ukoll li waqt l-arrest tiegħu, instabet il-kannabis fil-pussess tiegħu.
Meta mistoqsi għaliex kien waqaf jiffirma l-għassa, Mupimhidzi sostna li kien qed jirċievi theddid minn persuni li kienu jgħixu qrib l-għassa tal-Pulizija, u għalhekk kien jibża’ jmur fl-inħawi.
Fis-sottomissjonijiet dwar il-piena, id-difiża talbet lill-Qorti timponi l-inqas piena possibbli u ma tirrevokax il-ħelsien mill-arrest tiegħu. Id-difiża argumentat li Mupimhidzi kien ikkollabora mal-Pulizija.
Madankollu, il-prosekuzzjoni enfasizzat li Mupimhidzi kien naqas milli jiffirma l-għassa għal sitt xhur. L-Ispettur Mangion argumenta li jekk Mupimhidzi verament kien qed jiġi mhedded, xorta seta’ mar jiffirma l-għassa u jirrapporta t-theddid lill-Pulizija.
Mangion irrefera wkoll għal ritratti ppubblikati fuq Facebook li juru lill-akkużat barra mas-sieħba tiegħu, filwaqt li argumenta li ma kienx jidher li kellu problema joħroġ minkejja li sostna li kien qed jiġi mhedded.
Il-Qorti kkundannat lil Mupimhidzi għal ħames xhur priġunerija u imponiet multa ta’ €400.
L-Ispettur Alfredo Mangion mexxa l-prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukati Naomi Spiteri u José Herrera dehru għad-difiża.
Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ppresediet il-kawża.
