Sunday, December 22, 2024

Raġel mixli b’akkużi dwar droga waqt li miegħu kellu tifel ta’ 10 snin

Aqra wkoll

Spettur tal-Pulizija spjega fil-Qorti kif wieħed miż-żewġt irġiel mixlija b’rabta mal-qabda ta’ nofs kilogramma eroina fiż-Żejtun kellu jakkumpanjah tifel ta’ 10 snin. 

Francois Zammit ta’ 45 sena miż-Żejtun tressaq l-ewwel fil-Qorti mixli b’assoċjazzjoni, traffikar u pussess aggravat tad-droga u li sar reċediv. 

Warajh tressaq Kevin Mifsud ta’ 41 sena u ġie mixli wkoll b’akkużi simili dwar droga, li kiser il-kudizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li sar reċediv. Spettur tal-Pulizija qal li Mifsud kien akkumpanjat minn tifel ta’ 10 snin. 

Iż-żewġt irġiel wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom meta tressqu quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello. 

L-Ispettur Marshall Mallia spjega kif nhar is-Sibt li għadda, il-Pulizija kienu informati li Mifsud seta’ kien involut f’negozju dwar droga. 

L-uffiċjali għamlu sorveljanza mat-trakk tal-imputat l-ieħor, u segwewh saż-Żejtun fejn deher jiltaqa’ ma’ Zammit. Kien hawn fejn intervjeniet il-pulizija u sabu nofs kilogramma eroina. 

Saret talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputati, li ġiet milqugħa mill-Qorti. Zammit ingħata l-libertà proviżorja taħt depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €5,000. Mifsud ukoll ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt depożitu ta’ €4,000 u garanzija personali ta’ €6,000. Il-Qorti ordnat ukoll l-iffriżar tal-assi fil-konfront taż-żewġ imputati.  

Għal Zammit dehru l-Avukati Franco Debono, Alfred Abela u Marion Camilleri mentri Mifsud kien assistit mill-Avukati Michael Sciriha u Christopher Chircop. 

Ekonomija

Sport