Saturday, July 4, 2026

Raġel mixli bi traffikar ta’ kokaina wara operazzjoni tal-Pulizija fil-Marsa

Aqra wkoll

Raġel ta’ 31 sena minn Birkirkara tressaq il-Qorti mixli bi traffikar u pussess ta’ kokaina, kif ukoll b’sewqan mingħajr liċenzja valida u mingħajr assigurazzjoni.
L-Ispettur John Leigh Howard spjega li l-Pulizija kienet ilha diversi jiem tosserva l-movimenti tal-akkużat qabel l-arrest tiegħu.

Skont il-prosekuzzjoni, it-Tlieta l-akkużat waqqaf il-vettura tiegħu fil-Marsa, u ftit tal-ħin wara waslet karozza oħra li allegatament għamlet kuntatt miegħu. F’dak il-mument intervjenew il-Pulizija u arrestaw liż-żewġ persuni.

Waqt tfittxija, il-Pulizija allegatament sabet 23 pakkett kokaina b’piż ta’ madwar 20 gramma, kif ukoll miżien diġitali li allegatament kien jintuża għall-kejl tad-droga.

Matul is-seduta, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest, u sostniet li kien hemm riskju ta’ tfixkil fil-proċess ġudizzjarju peress li xhud ċivili mistenni jixhed fil-każ.

Id-difiża, immexxija mill-avukati Franco Debono u Edward Gatt, ikkontestat dan l-argument u sostniet li l-eżistenza ta’ xhud waħedha ma tfissirx li hemm riskju ta’ interferenza.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Nadia Helena Vella, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet, fosthom curfew bejn it-8.00pm u l-5.00am, depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €1,000.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur John Leigh Howard flimkien mal-Avukat tal-Avukat Ġenerali Valentina Cassar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport