Il-Vatikan, aktar kmieni din il-ġimgħa skomunika lis-segwaċi ta’ setta Kattolika konservattiva, is-Soċjetà ta’ San Piju X (SSPX), ġurnata wara li s-Setta ikkonsagrat erba’ isqfijiet ġodda kontra l-istruzzjoni diretta tal-Papa Ljun XIV.
F’digriet, il-Vatikan qal li s-sitt isqfijiet tas-Soċjetà ġew skomunikati, u f’mossa mhux tas-soltu ddikjara li kwalunkwe membru lajk li “jaderixxi formalment” mas-setta għandu jitqies bħala xiżmatiku u skomunikat. Iżda tħabbar ukoll illi dawk li jitilqu mis-SSPX se jiġu milqugħa lura b’affezzjoni sinċiera.
Il-Vatikan aktar tard iċċara li mhux il-membri kollha se jiġu skomunikati awtomatikament, iżda dawk li jipparteċipaw abitwalment fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-SSPX u dawk li jħaddnu formalment il-pożizzjonijiet dottrinali tagħha.
L-SSPX twaqqfet fl-1970 biex topponi r-riformi ta’ moderniżmu li għamlet il-Knisja Kattolika Rumana fis-snin sittin, f’dak li kien magħruf bħala l-Konċilju Vatikan II. Is-Soċjetà hija maħsuba li tgħodd madwar 600,000 segwaċi globalment.
L-SSPX lanqas taċċetta l-bidliet li saru fil-mod kif tiġi ċċelebrata l-Quddiesa u għadha żżomm is-servizzi tagħha bil-Latin minflok bil-lingwa ta’ kuljum, u l-qassisin iqaddsu wiċċhom lejn l-artal u mhux lejn il-kongregazzjoni.
Fil-Quddiesa tal-SSPX, it-tqarbin isir mill-qassis direttament fil-ħalq ta dawk li jkunu għarkupptejhom, bil-kontra ta dawk li jattendu l-knisja u jitqarbnu bilwieqfa wara li jieħdu l-ostja f’idhom.
In-nisa għandhom ukoll it-tendenza li jgħattu rashom għas-servizzi reliġjużi u s-segwaċi tal-SSPX għandhom it-tendenza li jkunu aktar konservattivi soċjalment b’mod ġenerali.
L-SSPX topponi wkoll il-pożizzjoni tal-Knisja Kattolika favur aktar djalogu ma’ denominazzjonijiet Kristjani oħra u ma’ twemmin ieħor.
Is-Soċjetà għandha preżenza qawwija fl-Istati Uniti u fi Franza iżda tiċċelebra l-quddies f’26 post madwar ir-Renju Unit, minn Lerwick f’Shetland sa Devon, biċ-ċentru ewlieni tagħha f’Wimbledon, fin-Nofsinhar ta’ Londra.
Fis-snin tmenin, isqfijiet mis-Soċjetà ġew skomunikati talli rrifjutaw li jobdu lil Vatikan, iżda dik id-deċiżjoni aktar tard ġiet irrevokata.
Aktar riċentement, saru sforzi biex issir rikonċiljazzjoni mal-SSPX, iżda r-rispons tal-Vatikan għall-avvenimenti ta’ din il-ġimgħa kien aktar aggressiv minn qabel, u aktar sever milli mbassar.
L-iskomunika hija waħda mill-aktar kastigi ħorox li tista’ tingħata mill-Knisja Kattolika, li effettivament tkeċċi lill-ħatjin mir-reliġjon u teskludihom mill-ħajja Kattolika.
Dawk skomunikati ma jkunx “f’komunjoni” mal-Knisja u għalhekk ma jistgħux jirċievi s-sagramenti, bħall-qrar jew jiżżewweġ fil-Knisja Kattolika Rumana.
Dan ifisser li l-membri tal-SSPX issa jridu jagħżlu jekk jibqgħux parti minn grupp li jinsab fi “xiżma”, jew jekk jabbandunawx dak li jemmnu li hu t-tajjeb sabiex jibqgħu parti mill-Knisja Kattolika.
Madankollu, huwa ċar li ħafna membri tal-SSPX jemmnu li huwa l-Vatikan li tbiegħed mid-duttrina vera ta’ Kristu u mhux huma.


