Wara kull ċertifikat ta’ gradwazzjoni hemm storja ta’ impenn, sagrifiċċju u determinazzjoni. Għal 33 impjegat tal-Bank of Valletta, dan l-isforz ġie rikonoxxut wara li temmew b’suċċess programmi offruti mill-IFS Malta (Institute of Financial Services), u b’hekk immarkaw pass importanti fil-vjaġġ personali u professjonali tagħhom.
Mal-200 student ġew rikonoxxuti waqt iċ-Ċerimonja Annwali tal-Gradwazzjoni tal-IFS Malta, li saret ġewwa x-Xara Lodge fir-Rabat, għall-kisbiet tagħhom fis-servizzi finanzjarji u oqsma relatati. L-impjegati tal-BOV kienu parti minn dan il-grupp, u kisbu kwalifiki fl-ESG, fis-servizzi finanzjarji, fir-regolamenti finanzjarji ta’ Malta u fil-professjoni bankarja.
Għall-Bank, din il-kisba tfisser ħafna aktar minn pass akkademiku. Dan l-avveniment ifakkar fl-isforz li jagħmlu l-impjegati lil hinn mill-ġurnata tax-xogħol, ħafna drabi waqt li jkunu qed jibbilanċjaw rwoli impenjattivi, il-ħajja tal-familja u impenji personali. Tirrifletti wkoll il-mentalità li l-BOV ikompli jħeġġeġ fl-organizzazzjoni: waħda fejn it-tagħlim ma jitqiesx bħala pass ta’ darba, iżda bħala parti mill-mod kif in-nies jikbru, jadattaw u jibqgħu kunfidenti f’xenarju tas-servizzi finanzjarji li kulma jmur dejjem jinbidel.
L-appoġġ tal-BOV għat-tagħlim kontinwu jifforma parti importanti mill-proposta ta’ valur tiegħu għall-impjegati. Permezz tal-qafas ta’ żvilupp personali, il-Bank iħeġġeġ lill-impjegati tiegħu biex isegwu kwalifiki rikonoxxuti, jiżviluppaw ħiliet ġodda u jsaħħu dawk eżistenti fi stadji differenti tal-karriera tagħhom, filwaqt li jieħdu r-responsabbiltà għall-iżvilupp professjonali fit-tul.
Skont l-eliġibbiltà u l-kors ta’ studju approvat, dan l-appoġġ jista’ jinkludi għotjiet għall-istudju, rimborż għal kwalifiki approvati, leave għall-istudju u għat-teżi, self għall-istudju b’rati ssussidjati u allowances marbuta mal-gradwazzjoni. Flimkien, dawn il-miżuri huma maħsuba biex jagħmlu t-tagħlim ulterjuri aktar aċċessibbli u biex jagħtu lill-impjegati appoġġ prattiku waqt li jkunu qed jinvestu fihom infushom u fil-futur tagħhom.
Ray Debattista, Chief People and Culture Officer tal-Bank of Valletta, qal, “Aħna tassew kburin bin-nies tagħna li laħqu dan it-tragward importanti. Il-kisba tagħhom hija xhieda tal-impenn, reżiljenza u xewqa ċara li jkomplu jikbru. Dawn huma kwalitajiet li għandhom valur qawwi, mhux biss għall-iżvilupp personali, iżda wkoll għas-saħħa kontinwa tal-Bank. Irridu li n-nies tagħna jkunu jafu li huma appoġġjati tul il-vjaġġ tal-karriera tagħhom. L-investiment fit-tagħlim u l-iżvilupp huwa wieħed mill-aktar modi ċari kif nistgħu nagħmlu dan. Dan isaħħaħna bħala organizzazzjoni, filwaqt li jagħti lill-kollegi tagħna l-kunfidenza u l-opportunità li javvanzaw, jagħtu sehemhom u jibnu karrieri sodisfaċenti.”
L-enfasi kontinwa tal-Bank fuq it-tagħlim u l-iżvilupp tal-impjegati tifforma parti mill-ambizzjoni usa’ tiegħu li jibqa’ l-post tax-xogħol preferut fis-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta. Permezz ta’ opportunitajiet strutturati ta’ żvilupp u appoġġ prattiku għal aktar studju, il-Bank qed ikompli jrawwem kultura fejn in-nies jiġu mħeġġa jkomplu jitgħallmu, jikbru u jibnu karrieri ta’ valur fi ħdan l-organizzazzjoni.


