Kieku jerġa’ jitwieled llum fejn jitwieled? Kif ikun ix-xenarju? Żgur li jekk nistaqsikom din il-mistoqsija, kollha se tagħtuni tweġiba differenti. Forsi jkun hemm min jgħidli li jitwieled f’Gaża, qalb il-bumbardamenti li għadhom għaddejjin. Qalb it-tined imdawrin b’ilma qiegħed u drenaġġ. Forsi qalb il-bini mwaqqa’ f’Gaża. Ikun hemm oħrajn li jgħiduli li jitwieled f’Ukrajna, fejn dan il-pajjiż għadu mifni minn gwerra. Jew fis-Sudan, pajjiż ieħor mifni minn kunflitti. Jew fuq xi dgħajsa tal-immigranti. Forsi fuq xi ajruplan waqt li jkunu deportati xi immigranti, li fittxew ħajja aħjar. Jista’ jkun hemm min jgħidlek li jitwieled f’belt Ewropea, forsi qalb dawk li jinsabu bla saqaf fuq rashom, jew dawk li lanqas x’jieklu m’għandhom u jmorru jitkarrbu fis-‘soup kitchen’s”. Għal min qiegħed ibati jew għandu qraba li saħħithom marret lura, aktarx li jgħidlek li jitwieled fl-isptarijiet. U min jaf…jista’ jitwieled ukopl fostna li għaddejjin b’ħajjitna, b’ħajja ta’ kulimu mgħaġġla, idodminata minn mowbjal, tablets u gagets. Il-Presepju – Ilbieraħ, Illum u Għada. Din hi t-tema ta’ presepju li intrama’ fil-Belt Valeltta. Fih tispikka l-figura ta’ tfajla tieħu stessu, att li llum jiddomina, għax kulħadd bil-mowbajl lest bier jiġbed kull ma jara quddiemu.
L-elementi kontemporanji ma jbiddlux is-sagralità tar-rakkont, iżda jpoġġuh f’djalogu mas-soċjetà tal-lum L-artist Michael Cutajar Zahra
F’kumment li jgħaddi l-artist Michael Cutajar Zahra hu jgħid li “kien ta’ pjaċir kbir għalija li naħdem fuq dan il-proġett u li kelli l-libertà nesprimi l-kreattività tiegħi. Nemmen li l-arti għandha proprju din il-qawwa li tqanqal, tħalli mistoqsijiet u ġġiegħel lin-nies jieqfu għal mument u jirriflettu!
Għalija, l-akbar sodisfazzjon huwa li dan il-presepju mhux biss qed jitgawda, iżda qed iġiegħel lin-nies jieqfu, jitkellmu u saħansitra jieħdu ritratt miegħu. Dan ifisser li l-messaġġ tiegħu wasal. Grazzi lill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta talli emmintu f’dan il-ħsieb.”
Jenfasizza li “dan il-presepju għandu tifsira speċjali għalija. L-imħabba lejn din it-tradizzjoni wirttha mingħand missieri u hija parti minni. It-titlu jirrakkonta l-viżjoni tiegħi, Ilbieraħ huwa l-istorja u t-tradizzjoni, Illum hija s-soċjetà li ngħixu fiha, u Għada huma l-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Snin ilu ħdimt Natività b’ilbies folkloristiku Malti. Din id-darba ridt immur lura aktar minn elfejn sena u nġib dik l-istorja fil-preżent. Fil-kompożizzjoni, kull figura għandha l-istorja tagħha. It-tifla bi stessu tirrappreżenta l-ġenerazzjoni diġitali, filwaqt li l-ħarufa tissimbolizza lil dawk li, minkejja li jinsabu qrib il-fidi, kultant jitbiegħdu minnha jew jitilfu d-direzzjoni spiritwali tagħhom.”
Itenni li “anke l’istrutura modern, bil-finitura tat-travertin, joħloq kuntrast bejn storja antika u espressjoni artistika kontemporanja. Fuq kollox, dan jibqa’ proġett u rakkont sagru. Il-qalba tiegħu hija t-twelid ta’ Ġesù Kristu, ġrajja li ilha tgħaqqad il-fidi u t-tradizzjoni tagħna għal aktar minn elfejn sena. L-elementi kontemporanji ma jbiddlux is-sagralità tar-rakkont, iżda jpoġġuh f’djalogu mas-soċjetà tal-lum. Grazzi lil kull min apprezza x-xogħol u lil kull min waqaf jirrifletti fuqu. It-tradizzjoni tagħtina l-għeruq. L-arti tagħtina l-libertà li nkomplu nesprimuha.”
Dik hi l-qawwa tal-arti tal-kreattività. Li tisfida in-normalità, li tqanqal, li tqajjem riflessjoni – Jason Micallef, Ċerpersin Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta
Minn naħa tiegħu, Jason Micallef, Ċerpersin tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta f’kummenti li għadda qal li “aktar kmieni din is-sena, kont ġibt il-kuntatt tal-artist u skultur Għawdxi Michael Cutajar Zahra wara li kont rajt xogħol sabiħ minn tiegħu, fosthom, fuq statwa tal-Assunta li ħadem għall-Imġarr f’Malta, kif ukoll fuq statwi tal-Ġimgha l-Kbira (life size) ta’ daqs reali. Iltqajt mal-artist Michael Cutajar Zahra f’April u f’Mejju ta’ din is-sena. Għidtlu li kont interessat biex jagħmel il-Presepju tan-Natività fil-Belt Valletta għal din is-sena. Iddiskutejna fit-tul u wrejtu x-xewqa li joħroġ b’kunċett kreattiv, li jżewweg il-presepju tradizzjonali mal-kontemporanju, u biex ma jiddejjaq xejn joħroġ min-“norma” tad-disinn tradizzjonali tal-Presepju. Michael, t’artist bravu li hu, tbissem u fehem mill-ewwel x’kelli f’moħħi. Talabni ftit taż-żmien biex jiġi lura, u telaq eċitat mill-uffiċċju tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.”
Kompla jgħid li “xi ġimgħat wara, erħajna ltqajna biex ippreżentali l-kunċett li ħoloq, it-tifsira, l-istruttura, u l-figuri fil-presepju. Il-kunċett dlonk laqatni, b’eċċezzjoni waħda. Tlabtu biex il-figuri fil-presepju jinqasmu f’żewg fażijiet. Dawk li jsiru għall-Presepju ta’ din is-sena, u l-kumplament fil-Presepju tas-sena d-dieħla. Ilħaqna ftehim, u l-artist telaq ferħan u sodisfatt, bil-weghda li fiz-zmien li kellu quddiemu, ftit tax-xhur, iwassal fil-ħin il-presepju fil-Belt Valletta għal din is-sena.”
Ikompli jgħid li “Ilbierah, Illum u GĦada” il-Presepju li, inawgurajna fil-Belt Valletta, laħaq diġa il-miri tiegħu. Fuq fomm kulħadd, fuq il-mezzi tax-xandir kullimkien, u fuq kollox qajjem diskussjoni. Dik hi l-qawwa tal-arti tal-kreattività. Li tisfida in-normalità, li tqanqal, li tqajjem riflessjoni. F’dan il-kaz, it-tfajla ta’ 18-il sena, żagħżugħa, qed tieħu stessu ma’ Ġesu Bambin, Marija u Ġużeppi, hekk kif lemħet ix-xena tan-Natività. Riflessjoni sottili dwar kif iż-żgħażagħ u mhux, jiddokumentaw l-esperjenzi ta’ mumenti partikolari f’ħajjithom permezz ta’ selfie kull ħin u kull mument!
F’dan il-każ, timmaginaw “Illum” li kieku kellu jitwieled f’għalqa jew fxi għar Ġesu Bambin, kemm jieħdu selfies miegħu n-nies biex iżommu tifkira dokumentata ta’ mument storiku bħal dan? Nirringrazzja mill-qalb u nifraħ lill-artist u skultur Għawdxi Michael Cutajar Zahra, ghall-kunċett, id-disinn u l-bini ta’ presepju kontemporanju stupend li għandna dan il-Milied fil-Belt Valletta.”
