Il-General Workers’ Union (GWU) tikkundanna bl-aktar mod assolut kull forma ta’ vjolenza u aggressjoni fuq il-ħaddiema waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, fid-dawl tal-inċident li fih allegatament ġew aggrediti ħaddiema waqt li kienu qed jagħmlu xogħolhom.
Il-GWU tesprimi t-tħassib serju tagħha dwar inċidenti bħal dawn u tisħaq li huwa inaċċettabbli li ħaddiema, li jkunu sempliċiment qed jaqdu dmirijiethom, jispiċċaw vittmi ta’ aggressjoni, intimidazzjoni jew abbuż.
Il-ħaddiema m’għandhomx imorru għax-xogħol bil-biża’ li jistgħu jkunu esposti għall-vjolenza. Il-ħaddiema kollha għandhom id-dritt li jaħdmu f’ambjent fejn jiġu rispettati d-dinjità u l-integrità fiżika u psikoloġika tagħhom.
Il-GWU tenfasizza l-ħtieġa li jkomplu jissaħħu l-miżuri ta’ protezzjoni għall-ħaddiema, b’mod partikolari għal dawk li, minħabba n-natura ta’ xogħolhom, ikunu aktar esposti għal sitwazzjonijiet ta’ kunflitt u aggressjoni.
Il-vjolenza fuq il-post tax-xogħol, kemm dik fiżika kif ukoll dik verbali, m’għandha qatt tiġi ttollerata, ġustifikata jew normalizzata.
Filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin, il-GWU tappella sabiex issir ġustizzja u dawk kollha li jinstabu responsabbli jwieġbu għal għemilhom skont il-liġi.
Il-GWU tesprimi s-solidarjetà sħiħa tagħha mal-ħaddiema involuti u mal-familji tagħhom, kif ukoll mal-ħaddiema kollha li ta’ kuljum jaffaċċjaw riskji simili waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Il-ħaddiema jistħoqqilhom rispett, dinjità u protezzjoni. Il-vjolenza qatt m’għandha tkun parti mix-xogħol.
