Wednesday, July 24, 2024

Raġel mixli li attakka b’sikkina lill-mexxej tal-Oppożizzjoni tal-Korea ta’ Isfel

Aqra wkoll

Raġel suspettat li ta daqqiet ta’ sikkina lill-Kap tal-Oppożizzjoni tal-Korea ta’ Isfel nhar it-Tlieta ġie arrestat formalment fuq akkużi ta’ attentat ta’ qtil.

Ir-raġel li għandu 60 sena bil-kunjom Kim, kien ittieħed fil-kustodja tal-pulizija immedjatament wara l-attakk. Sadanittant, Lee Jae-myung ħareġ mit-taqsima tal-Kura intensiva.

Lee qala’ daqqa ta’ sikkina f’għonqu fil-belt ta’ Busan. Wieħed mit-tobba li operawh qal lill-ġurnalisti li l-vittma kien “qed jirkupra” wara l-operazzjoni li saritlu.

“Huwa jeħtieġ osservazzjoni kontinwa minħabba tħassib dwar infezzjoni oħra u kumplikazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu wara l-operazzjoni minħabba l-ġrieħi li sofra,” qal il-Professur Min Seung-kee.

Il-mottiv wara dan l-attakk għadu mhux magħruf, għalkemm Kim qal lill-ġurnalisti qabel attenda għas-seduta tal-Qorti li kien ta lill-pulizija nota twila tmien paġni fejn spjega r-raġunijiet għall-azzjonijiet tiegħu.

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet Yonhap huwa kien qal ukoll lill-pulizija li kellu l-intenzjoni li joqtol lil Lee. L-investigazzjoni tal-pulizija wriet li huwa kien ilu jsegwi lil Lee sa minn Ġunju li għadda.

Dan l-attakk ħasad lin-nazzjon kollu u qanqal bosta mistoqsijiet dwar is-sigurtà ta’ politiċi bi profili għoli. L-istess attakk kien ikkundannat kemm mill-partit ta’ Lee u kif ukoll mill-partit fil-Gvern.

Il-Korea t’Isfel għandha regolamenti stretti dwar il-pussess ta’ pistoli u armi oħra, u l-parti l-kbira tal-figuri pubbliċi normalment ma jkunux taħt protezzjoni ta’ sigurtà stretta.

Ekonomija

Sport