Tuesday, April 30, 2024

L-INGLIŻ FL-EWROPA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Kurżità kbira fl-Unjoni Ewropea hi l-użu tal-Ingliż bħala l-ilsien li bih jitwettaq ix-xogħol tal-Unjoni. Dan l-użu mhux talli ma naqasx wara l-Brexit, talli baqa’ jiżdied. Ir-regola fl-Unjoni hi li jintużaw l-ilsna kollha nazzjonali tal-pajjiżi membri. Għal żewġ pajjiżu – u mhux mill-kbar – l-Irlanda u Malta – l-Ingliż hu wieħed minn żewġ lingwi li jintużaw bħala ilsna uffiċjali. Formalment dal-fatt iservi biex jiġġustifika kif mal-Brexit, l-Ingliż ma tneħħiex mit-tmexxija Ewropea.

Wieħed kien jistenna li l-pajjiżi ta’ statura jippuntaw biex inaqqsulu mill-importanza tal-Ingliż. Kien jintqal li Spanja u l-Ġermanja pereżempju biħsiebhom jirsistu biex jgħollu l-profil ta’ ilsienhom. Jekk għamlu hekk, ftit kellhom suċċess sa issa. Għax f’maġġoranza ta’ każi, lir-rappreżentanti tagħhom ssibhom lesti jinqdew bl-Ingliż ukoll f’laqgħat uffiċjali.

Jibqa’ jidher li l-Ingliż qed iservi ta’ lingua franca fl-Unjoni mingħajr ma dan joħloq skumdità għall-imsieħba.

IL-PAJJIŻI TAL-GOLF

Mill-muntanja ta’ assi monetarji li għandhom, il-pajjiżi tal-Golf – fuq quddiem nett is-Sawdi Għarabja – qed imexxu strateġija formidabbli biex jiksbu leħen fl-oqsma sportivi u kulturali dinjija. Fehmu li dawn jiftħulhom triq biex isostnu l-politika u l-interessi tagħhom permezz tad-diplomazija msejsa fuq l-hekk imsejjaħ poter “artab”.

Ir-riżorsi li qed jiddedikaw għal din l-inizjattiva tant huma qawwija li (kif juri l-eżempju tal-football, imma mhux biss hu) għamlu kisbiet impressjonanti. Permezz tagħhom, jittamaw li jkunu jistgħu jinfluwenzaw l-opinjoni publika u allura l-attitudni politika lejhom fil-pajjiżi ekonomikament avvanzati, fuq quddiem nett l-Istati Uniti u l-Ewropa. Kif wera l-iskandlu tal-Qatar ftit aktar minn sena ilu, x’aktarx li m’hemm l-ebda limitu għal kif lesti jinqdew bil-flejjes tagħhom.

Kemm ilha li faqqgħet il-gwerra tal-Ukrajna kważi ntesiet għal kollox il-kritika li kienet issirilhom dwar id-drittijiet ċivili u politiċi tal-popli tagħhom… li ma jirrispettawx, kif ukoll id-drittijiet tan-nisa… li jinjoraw.

EWROPA TAD-DIFIŻA

Maġġoranza sostanzjali tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea qed jinsistu li l-Ewropa għandu jkollha il-politika ta’ difiża u sigurtà tagħha li tkun awtonoma, qawwija u effettiva. Għandhom kull dritt jaraw kif se jimxu skond dil-linja. Imma qed jagħmlu żball jipprovaw jibnu struttura ta’ tmexxija militari ta’ “difiża” fi ħdan l-istrutturi usa’ tal-Unjoni Ewropea.

Messhom segwew il-mudell li kien ingħata bidu fl-ewwel nofs tas-snin 50 tas-seklu l-ieħor meta kienet se titwaqqaf ġenb ma’ ġenb mas-Suq Komuni tal-ewwel żminijiet, għaqda Ewropea ta’ difiża. Hekk messu reġa’ sar did-darba. Waqt li l-Unjoni Ewropea tkun tkopri l-kwistjonijiet kollha ta’ koperazzjoni ekonomika, finanzjarja, soċjali ambjentali u kulturali, l-għaqda Ewropea tad-difiża taġixxi separatament fost dawk il-pajjiżi li jridu jieħu sehem fiha.

Sport