Wednesday, April 24, 2024

Raphael Varane se jdum barra mill-azzjoni għal xahar

Aqra wkoll

Id-difensur ċentrali ta’ Manchester United, Raphael Varane se jitlef ix-xahar li ġej ta’ logħob minħabba injury fil-hamstring.

Id-difensur ċentrali għadu kif irkupra minn problema muskolari li sofra waqt li kien qed jirrappreżenta lil Franza waqt il-waqfa internazzjonali ta’ Ottubru.

Madankollu, il-player ta’ 28 sena weġġa’ waqt il-konfront taċ-Champions League ta’ nhar it-Tlieta kontra Atalanta u kellu joħroġ mill-ground fl-aħħar stadji tal-ewwel taqsima.

Manchester United issa żvelaw li r-rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja tal-2018 sofra injury fil-hamstring fiċ-Champions League u x’aktarx li jqatta’ x-xahar id-dieħel barra mill-azzjoni.

“Il-club jikkonferma li Raphael sofra injury fil-hamstring, li mistenni żżommu barra mill-azzjoni għal madwar xahar,” qalet stqarrija fuq is-sit elettroniku uffiċjali tal-club.

“Id-difensur ċentrali kellu jirtira matul l-ewwel taqsima tal-logħba f’Bergamo, b’Atalanta fuq quddiem bl-iskor ta’ 1-0. Huwa ġie sostitwit minn Mason Greenwood u r-Reds komplew biex kisbu punt siewi kontra t-team tas-Serie A b’doppjetta minn Cristiano Ronaldo.”

Varane aktarx jitlef l-erba’ logħbiet li jmiss ta’ Manchester United kontra Manchester City, Watford, Villarreal u Chelsea qabel ritorn potenzjali kontra Arsenal fit-2 ta’ Diċembru.

Sport