Wednesday, July 24, 2024

REBĦA B’MESSAĠĠ

Aqra wkoll

Il-poplu reġa’ semma leħnu. Tkellem b’mod ċar ħafna f’eżerċizzju demokratiku ieħor li rajna l-eżitu tiegħu proprju lbieraħ. Il-poplu reġa’ ta vot ta’ fiduċja lill-Partit Laburista din id-darba fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Dan ifisser li l-poplu jrid li l-Gvern isaħħaħ il-politika li miexi biha.

Din l-elezzjoni bagħtet messaġġ liż-żewġ partiti li t-tnejn li huma għandhom jixtarruh sew. Hija rebħa importanti għall-Partit Laburista meta jitqies li din saret fi żmien meta wieħed jikkunsidra dak li għadda minnu l-pajjiż f’dawn l-aħħar ħames snin fosthom bl-effetti tal-pandemija u ż-żidiet fil-prezzijiet minħaba l-gwerra fl-Ukrajna. Minkejja dan il-Gvern baqa’ jwieżen lill-familji u lin-negozji bis-sussidji fil-prezzijiet tal-enerġija u anke bl-inizjattiva Stabbiltà li wasslet għal roħs fil-prezzijiet tal-ikel.

Dan ir-riżultat inkiseb wara kampanja pożittiva mill-Partit Laburista li kien iffukat biex iwassal il-messaġġ tiegħu sabiex jagħmel differenza għall-aħjar mhux biss fuq bażi nazzjonali bil-programm ta’ ħidma tal-Gvern imma anke mill-aspett ta’ Kunsilli Lokali u fuq livell Ewropew.

Il-fatt illi jkollok parteċipazzjoni b’saħħitha fl-elezzjoni tal-PE li hija kumparabbli ma’ dak li rajna ħames snin ilu, jindika kemm dan it-test demokratiku fuq livell Ewropew huwa test importanti u m’għandux jittieħed forgranted.

Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazjonalista qed iħares lejn dan ir-riżultat bħala rebħa fid-dawl li naqas id-distakk bejn iż-żewġ partiti. Fil-verità huwa riżultat illi jkun żbaljat jekk wieħed jiġri għal konklużjonijiet fuqu għax dan irid jittieħed bħala riżultat mid-term u ż-żewġ naħat għad fadlilhom x’jaqdfu sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Nemmnu li l-PN jeħtieġ li jibdel l-attitudni tiegħu u l-istil ta’ kampanja li jmexxi mibnijin fuq it-tgħajjir u l-arroganza jekk irid li l-poplu tassew jibda jagħti kasu. Dawn l-elezzjonijiet, għalkemm kif għedna saru f’nofs leġiżlatura, għandhom iservu ta’ mera għall-partiti politiċi biex minn issa jibdew jagħtu aktar kas ta’ x’iridu n-nies.

Ekonomija

Sport