Wednesday, November 6, 2024

Rebħa drammatika minn Hibernians

Aqra wkoll

Hibernians …….3

Gzira United ….2

F’partita ferm eċċitanti, Hibernians kisbu rebħa drammatika ta’ 3-2 fuq Gzira United.

Kienu proprju l-Pawlisti li ħolqu l-ewwel periklu fid-disa’ minuta meta freekick ta’ Artem Radchenko għadda ftit għoli.

Iżda kienu Gzira li fetħu l-iskor, fis-26 minuta, permezz ta’ xutt minn pożizzjoni ideali ta’ THIAGO ESPINDOLA li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper, Hugo Sacco.

Madankollu, Hibernians wettqu reazzjoni mill-aqwa u ta’ dan ġew ippremjati meta żewġ minuti wara għamlu l-iskor indaqs meta minn azzjoni ta’ corner, minn rebound il-ballun spiċċa għand il-captain BJORN KRISTENSEN li mill-viċin spara ġewwa.

Il-partita kompliet tisbieħ u fit-33 minuta, il-Maroons reġgħu qalbu l-iskor favur tagħhom meta Lucas Macula bir-ras niżżel il-ballun lejn iż-żagħżugħ BROOKLYN BORG li minn taħt il-lasta, ma żbaljax.

Hibernians reġgħu rre­aġixxew b’mod tajjeb u tliet minuti wara reġgħu kisbu d-draw meta l-awtur tal-ewwel goal, Kristensen ipprovda l-assist lil JURGEN DEGABRIELE li permezz ta’ xutt fil-baxx għeleb għal kollox lill-goalkeeper ta’ Gzira, Darijan Zarkov, biex irnex­xielu jsib ix-xibka għat-tieni partita konsekuttiva.

Dan fost protesti ta’ Gzira hekk kif allegatament kien hemm foul fl-azzjoni li waslet għal dan il-goal, hekk kif Giannis Bastianos deher jimbotta lil Marcelo Dias.

Imbagħad, kien biss fil-75 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota fit-tieni taqsima, bil-Maroons ikunu huma li joħolqu l-periklu, meta Lucas Macula ttanta xortih permezz ta’ xutt fil-baxx minn pożizzjoni angolata li iżda ħareġ l-aħjar tal-goalkeeper Pawlist li salva tajjeb.

Hibernians skorjaw il-goal tar-rebħa proprju fil-ħin miżjud meta LUCAS CARUA­NA, wara li rċieva minn azzjoni ta’ free­kick kien fil-post it-tajjeb u mill-viċin tefa’ ġewwa, fost id-dellirju ta’ ferħ tal-partirarji numerużi tat-team minn Raħal Ġdid.

HIBERNIANS: 30-Hugo Sacco, 3-Ferdinando Apap, 5-Kurt Shaw, 8-Robert Bairam, 9-Sime Zuzul, 10-Jurgen Degabriele (16-Samuel Okoh 93), 11-Bjorn Kristensen (6-Lucas Caruana 66), 20-Artem Radchenko (25-Mamadou Bagayoko 80), 23-Claudio Bonanni, 29-Giannis Batsianos, 31-Eriks Pereira De Souza (22-Gabriel Izquier Artiles 66)  – Coach: Branko Nisevic

GZIRA U.: 30-Darijan Zarkov, 3-Gabriel Bohrer Mentz, 4-Andrew Borg, 8-Zachary Scerri, 9-Marcelo Dias, 11-Lucas Macula, 16-Luis Carlso Raiscos, 20-Farid Romero Zuniga, 47-Brooklyn Borg (23-Ewertton 93), 93-Thiago Espindola, 98-Jackson Mendoza (2-Carlos Filho Conceiaco 93)   – Coach: Andrew Cohen

REFEREE: Malcolm Spiteri

ASS. REFEREES: James Muscat, David Castillo

RABA’ UFF: Glen Tonna

SKORERS: T. Espindola 26, B. Borg 33 (G), B. Kristensen 28, J. Degabriele 36, L. Caruana 91 (H)

AMMONITI: D. Zarkov, B. Borg, M. Dias, L. C. Riascos (G), G. Bastianos, K. Shaw (H)

Sport