Wednesday, July 24, 2024

Rebħa komda għal Floriana fuq Naxxar Lions

Aqra wkoll

Naxxar Lions …..0

Floriana …………3

Floriana ftit li xejn tħabtu biex għelbu l-isfida ta’ Naxxar Lions bl-iskor ta’ 3-0, f’partita li huma ddo­minaw mill-bidu sat-tmiem, biex b’hekk ikkastigaw lin-Naxxarin għar-raba’ telfa konsekuttiva, u b’hekk issa beda jberraq ferm għalihom. 

B’din ir-rebħa issa Floriana naqqsu d-distakk għal tliet punti fil-konfront ta’ Hamrun Spartans li ġew miżmuma fi draw ta’ mingħajr goals minn Sliema Wanderers u b’hekk reġgħu daħlu fit-taqtiegħa għar- rebħ tal-kampjonat.

Min-naħa tal-Lions, wara bidu ferm tajjeb sabu lilhom infushom jissieltu kontra r-relegazzjoni meta jinsabu punt wieħed biss fuq iż-żona l-ħamra.

Il-Greens kellhom lil Oulid El Hasni u Maksim Valadzko sospiżi.

Huma fetħu l-iskor fis-17-il minuta permezz ta’ ALEXANDROS KOURO li kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u permezz ta’ xutt fil-baxx, spara ġewwa.

Naxxar Lions wieġbu fit-38 minuta permezz ta’ Ito Yasukaze li iżda sab lill-goalkeeper Bulgaru ta’ Floriana, Georgi Kitanov, attent.

Iżda kienu Floriana li, fil-45 minuta, irduppjaw l-is­kor meta Kemar Reid xeħet cross fil-baxx u sab lil ALEANDRO GARZIA, li minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Floriana komplew fejn ħallew fl-ewwel waħda u mas-siegħa logħob, għamluhom tlieta meta wara li rċieva minn pass mix-xellug, WIILIS FURTADO, ikkontrolla tajjeb u permezz ta’ xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa tefa’ ġewwa.

Huma komplew fuq l-offensiva u fid-69 minuta, Matheus de Sousa kellu x-xutt tiegħu minn qagħda ideali jiġi salvat tajjeb f’corner mill-goalkeeper żagħżugħ ta’ Naxxar, Matthias Debono.

Il-partita kienet ikkaratterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground, bi Floriana jkomplu jammi­nistraw il-vantaġġ komdu li kel­lhom sat-tmiem.

Ekonomija

Sport