Monday, May 13, 2024

Refuġjat żagħżugħ mill-Iraq se jibda jistudja l-mediċina f’Cambridge

Aqra wkoll

Minn ANTHEA CACHIA

Buraq Ahmed, żagħżugħ ta’ 18-il sena, li huwa refuġjat mill-Iraq, se jkun qiegħed jistudja l-mediċina f’Cambridge, wara li rċieva r-riżultati impressjonanti tal-Alevels. 

Buraq ta’ età żgħira kien isofri minn uġigħ kbir f’ġenbejħ kawża ta’ kundizzjoni li kellu magħrufa bħala displasja konġenitali tal-ġenbejn (congenital hip dysplasia), u għaldaqstant fl-2005, meta huwa kellu biss tliet snin, ommu u missier Abdullah u Ruaa Yousif, biegħu d-dar tagħhom fl-Iraq u emigraw lejn l-Ingilterra bil-għan li jirnexxielhom isibu ‘l xi ħadd li seta’ jopera lil binhom biex itaffi l-uġigħ li kkawżatlu l-kundizzjoni. 

Buraq telaq għall-vjaġġ tiegħu lejn ir-Renju Unit ma’ nanntu Saadiyah Khattab ta’ 69 sena. Il-ħsieb kien li jibqgħu hemm sakemm jieħu l-kura li kellu bżonn u jirkupra. Minkejja dan il-gwerra fl-Iraq kompliet tigrava u għaldaqstant ma setgħux jirritornaw lura lejn art twelidhom. Sadanittant ingħataw l-istatus ta’ refuġjat u rnexxielhom jissetiljaw f’Cardiff, Wales. 

Illum il-ġurnata, Buraq, l-istess tfajjel li ma kienx jaf jitkellem kelma waħda bl-Ingliż, wara snin ta’ edukazzjoni fir-Renju Unit, ġab l-ogħla marki fil-bijoloġija, matematika, chemistry u economics

Ir-raġuni għaliex għażel dik il-linja kienet li jixtieq irodd lura ta’ kemm ħadu ħsiebu t-tobba meta kien ċkejken hu. “Wara li għamilt żmien twil ngħix fl-isptarijiet għandi uħud mill-isbaħ memorji tiegħi mdawwar mill-infermiera. Issa ddeċidejt li rrid nieħu ħsieb lil persuni li qed isofru,” qal iż-żagħżugħ.

“La jiena u lanqas in-nanna tiegħi ma konna nafu nitkellmu bl-Ingliż meta ġejna l-Ingilterra u kien hemm ġranet sħaħ fejn jiena qas stajt niċċaqlaq. Meta tkun għadek tfal ma tirrealizzax it-trawma li int u l-familja tiegħek tkunu għaddejjin minnha. Jiena kont ixxurtjat biżżejjed li kelli lil nannti dejjem maġenbi,” saħaq Buraq. 

Huwa spjega kif maż-żmien iz-zija u z-ziju tiegħu maru jgħixu magħhom f’Cardiff hekk kif in-nanna tiegħu bdiet tixjieħ. 

B’dieqa huwa qal li għamel deċejnu mingħajr ma jara lil ġenituri tiegħu. “Meta kbirt irrealizzajt kemm kien żmien turbulenti għall-ġenituri tiegħi u għall-ħuti l-oħra li twieldu kollha meta tlaqt mill-Iraq. Illum il-ġurnata jgħixu l-Belġju.”

Minkejja li rċieva l-kura meta kien żgħir, minħabba din il-kundizzjoni, xorta waħda għad għandu bżonn xi proċeduri. L-aktar waħda riċenti li kellu bżonn ġiet posposta kawża tal-pandemija. 

It-talenti ta’ Buraq m’humiex biss fil-kamp akkademiku iżda wkoll fix-xena sportiva, speċifikament fil-futboll, tant li ntagħżel biex jilgħab mat-Tim ta’ Cardiff City Academy. Sfortunatament, hekk kif il-kundizzjoni tiegħu qalbet għall-agħar, kellu jieqaf milli jilgħab u jiffoka biss fuq l-istudju. 

“Minkejja l-ħajja trawmatika li kellu meta kien għadu żgħir, separazzjoni kontinwa minn mal-ġenituri tiegħu u l-medikazzjoni tant qawwija li juża ta’ kuljum minħabba l-uġigħ, Buraq qatt ma qata’ qalbu u rnexxielu jikseb affarjiet kbar ħafna,” qal il-prinċipal tal-kulleġġ li kien jattendi fih. 

Temm jgħid li huwa persuna reżiljenti ħafna u ddeterminat li jirnexxi. 

Sport