Bayer Leverkusen waqqfu rekord Ewropew ġdid ta’ 49 logħba konsekuttiva bla telfa meta kisbu draw tard kontra Roma biex għaddew għall-finali tal-UEFA Europa League.
Kien Josip Stanisic li skorja bl-aħħar xutt tal-logħba fis-97 minuta biex wassal lit-team ta’ Xabi Alonso (ritratt) għal draw ta’ 2-2 u rebħa bl-aggregate ta’ 4-2.
Issa għaddew 49 logħba konsekuttiva mingħajr telfa fil-kompetizzjonijiet kollha, li jinkludu 40 rebħa.
Dan ifisser li Leverkusen, li ġew eliminati minn Roma f’dan l-istadju fl-istaġun li għadda, tejbu l-mixja bla telfa li t-team ta’ Benfica mmexxi mil-leġġendarju Eusebio għamel bejn Diċembru 1963 u Frar 1965.
Dik il-bravura tal-ġganti Portugiżi kienet l-itwal waħda bla telfa mit-twaqqif tal-kompetizzjonijiet Ewropej, skond l- UEFA – sa din il-kampanja notevoli ta’ Leverkusen.
Il-players ta’ Alonso, li dan l-istaġun qed jiġru wara Treble storiku wara li rebħu t-titlu tal-Bundesliga u waslu wkoll sal-finali tat-Tazza Ġermaniża, se jiltaqgħu mat-team Taljan, Atalanta, fil-logħba vetrina tal-Europa League f’Dublin fit-22 ta’ Mejju.
U l-passaġġ lejn Dublin – kif ukoll post fil-kotba tal-istorja tal-football Ewropew – ġie konfermat meta Stanisic qata’ mil-lemin u tefa’ fix-xibka fil-baxx. Kien is-17-il goal li Leverkusen skorjaw wara d-90 minuta f’partiti fil-kompetizzjonijiet kollha ta’ dan l-istaġun.
Leverkusen saru t-tieni team Ġermaniż li wasal għall-finali Ewropea din il-ġimgħa, wara li Borussia Dortmund rebħu s-semi-finali taċ-Champions League kontra Paris St-Germain biex waqqfu laqgħa ma’ Real Madrid f’Wembley Stadium, Londra, nhar is-Sibt, 1 ta’ Ġunju.