Il-Parlament nhar it-Tlieta li għadda, approva mill-istadju tat-tieni qari l-abbozz ta’ liġi dwar il-moniteraġġ elettroniku. Din hija riforma oħra li qed iressaq ’il quddiem dan il-Gvern li mhux biss se tgħin fir-rijabilitazzjoni ta’ persuni li jkunu wettqu reati minuri, iżda se toffri aktar serħan il-moħħ lill-komunità u lill-vittmi tal-kriminalità.
Din is-sistema se tkun qiegħda tippermetti lil xi individwi li jkunu sorveljati elettronikament minflok jinżammu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għal sentenzi qosra u b’dan il-mod tkun qiegħda tiġi ffaċiltata l-integrazzjoni tagħhom lura fis-soċjetà. B’hekk, dan il-moniteraġġ se jkun qiegħed jitħaddem f’sentenzi tal-Qrati f’każi minuri. B’dan il-mod ukoll min ikun għamel żball relattivament żgħir, ikun jista’ jingħata t-tieni ċans f’ħajtu.
Dan il-moniteraġġ elettroniku jista’ jiġi ordnat mill-Qorti għal każijiet ta’ sentenzi mhux itwal minn sena. Il-Gvern qiegħed ukoll ikun speċifiku ħafna dwar meta l-liġi tista tagħti l-jedd li jintuża dan l-apparat elettroniku. Dan filwaqt li se tkun sistema ġdida għall-pajjiżna illi t-tħaddim tagħha se jkun qiegħed jidħol b’mod gradwali. Barra minn hekk, din il-miżura se tapplika wkoll f’każijiet fejn jinħarġu ordnijiet ta’ trażżin jew protezzjoni biex tiġi assigurata s-sigurtà tal-vittmi.
Fil-kuntest ta’ dan kollu, naqblu wkoll ma’ dak li qal il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, illi din se tkun riforma mhux biss favur min żbalja imma wkoll riforma favur il-vittmi. Nemmnu li hija deċiżjoni tajba li l-Gvern qed jaqbad din it-triq biex b’hekk jintlaħaq dan il-bilanċ.
F’dak li jirrigwardja r-rijabilitazzjoni tal-individwi lura fis-soċjetà sar ħafna xogħol diġà u għandna għax nifhmu li b’din is-sistema ta’ moniteraġġ elettroniku se tkompli tibni fuq it-tajjeb kollu li diġa sar. Il-priġunieri llum qed jingħataw x’jagħmlu, bħal l-għamara l-ġdida ta’ Puttinu Cares f’Londra. Dan bl-iskop li meta jirritornaw lura fis-soċjeta l-aċċess għall-integrazzjoni tagħhom ikun b’mod aktar faċli.
Nieħdu gost naraw li din ir-riforma sabet ukoll l-appoġġ tal-Oppożizzjoni. Għalhekk inħarsu ’l quddiem li dan l-abbozz issa jiġi diskuss fl-istadju tal-Kumitat biex fejn u jekk ikun hemm il-bżonn, isiru l-emendi meħtieġa. Is-sistema ta’ monitoraġġ elettroniku ilha mħaddma f’pajjiżi oħra u nħarsu ‘l quddiem li din ir-riforma tilħaq l-għanijiet tagħha wkoll bħalma sar f’riformi progressivi oħra.