Wednesday, April 24, 2024

RIFORMA LEJN L-UŻU RESPONSABBLI … GĦALIEX DAQSTANT KRITIKA?

Aqra wkoll

Fost l-akbar riformi li wettaq Gvern Laburista hemm l-introduzzjoni tal-Att dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis. Riforma li mmarkat bidla sinjifikanti fil-mod ta’ kif is-soċjetà tħares lejn dan is-suġġett u wasslet ukoll għal bidla fil-mentalità fejn il-liġi m’għadhiex tqis bħala kriminal lil dawk li jagħmlu użu mill-kannabis f’ammont limitat. 

B’danakollu l-liġi bl-ebda mod ma hi se tillegalizza b’xi mod l-abbuż tad-droga. Il-liġi qiegħda tagħmel aktar enfasi fuq ir-regolarizzazzjoni tal-kannabis, il-kultivazzjoni u l-konsum personali, li se jkunu regolati b’mod riġidu mill-Awtorità mwaqqfa apposta. 

Diskussjoni dwar l-emenda fil-liġi ntemmet it-Tnejn fil-Parlament, liema emenda għandha l-għan li ssaħħaħ il-qafas regolatorju b’saħħtu dwar l-użu responsabbli tal-kannabis. Emenda li bl-ebda mod mhi se tnaqqas il-pieni maħsuba għal ksur ta’ liġijiet dwar l-abbuż tal-kannabis u drogi oħra. Anzi pjuttost bil-maqlub. 

Dan hekk kif se tipprovdi multi amministrattivi mill-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis għal dawk l-assoċjazzjonijiet li qed tirregola hi stess. B’dawn l-emendi punittivi li s’issa kienu vestiti fil-Kummissarju tal-Ġustizzja, issa se jingħataw ukoll lill-Awtorità sabiex hi wkoll tkun tista’ timponi multi amministrattivi.

Minkejja dan, bħal dejjem, l-Oppożizzjoni ma sabet xejn pożittiv anzi, fid-diskussjoni fil-parlament dawret l-argumenti kollha ta’ taħt fuq. Dan fis-sens li l-Parlament ma kienx qed jiddiskuti l-abbuż mid-drogi f’pajjiżna imma aktar il-mod regolatorju kif każi bħal dawn ikunu trattati. Saħansitra għal xi Deputati Nazzjonalisti l-emenda ma kienet pożittiva xejn anzi sostnew li kienet se tkompli tkabbar il-kaos li skont huma jeżisti f’dan is-settur. 

Tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu li jsiru kemm isiru riformi, l-abbuż mid-droga ma jista’ jinqata’ qatt. Kulma jista’ jsir hu li jiġi regolat b’mod li jiġġieled it-traffikar illegali u l-abbuż ta’ taħlit sintetiku ta’ droga. 

Għalhekk nemmnu li din ir-riforma kienet pass għaqli ‘l quddiem wara tant snin li dwarha ma sar xejn. Tant li snin ilu l-abbuż mid-droga tant kien kbir f’pajjiżna li saħansitra l-abbuż kien anke fost tfal ta’ 13-il sena. 

Jidher li r-riforma bdiet tħalli l-frott billi diġà hemm seba’ assoċjazjonijiet li applikaw biex jingħataw liċenzja li tippermettilhom jikkultivaw u jbigħu l-kannabis għall-użu rikreattiv f’pajjiżna. 

L-Awtorità bdiet tilqa’ l-applikazzjonijiet għat-twaqqif u l-liċenzjar ta’ għaqdiet li jikkultivaw u jbigħu lill-kannabis, minn Frar li għadda, fuq mudell li ma jħallilhomx profitt.

Dan kollu jindika l-impenn tal-Gvern illi kemm jista’ jkun l-konsum tal-kannabis ikun regolat u użat b’mod responsabbli.

Sport